It-2 Ħadd tal-Għid - Sena Ċ
“IL-BIBIEN MAGĦLUQA; IL-PJAGI MIFTUĦA”
Żewġ affarijiet dejjem jolqtuni b’qawwa kull meta niltaqa’ mal-qari li l-Knisja tippreżentalna llum, it-Tieni Ħadd tal-Għid u Festa tal-Ħniena Divina. L-ewwel waħda hija l-emfasi li l-awtur San Ġwann jagħmel fuq il-fatt li fil-kamra fejn kienu jinġabru d-dixxipli il-bibien kienu magħluqa. Dak il-bieb imsakkar kien sar l-istat normali li fih kienu qed jgħixu d-dixxipli issa li Ġesù ma kienx magħhom: fil-fatt Ġwanni jagħmilha ċara li kienu qed jgħixu f ’biża’ kontinwu.
Minkejja dan, ninnotaw ukoll il-mod għalkollox sempliċi li bih San Ġwann ikompli jgħidilna li minkejja l-bibien imbarrati, Ġesù daħal xorta waħda u qagħad f ’nofs id-dixxipli tiegħu. Iwettaq ġest straordinarju iżda mingħajr ebda daqq tat-trombi, daqs li kieku qed jagħmel l-iktar ħaġa naturali fid-dinja. Għal dak li rebaħ il-mewt u l-qabar, naqra ta’ bieb magħluq mhuwiex ostaklu. Dak il-bieb imbarrat huwa xbieha ta’ qlubna magħluqa minħabba d-dnub, il-biża’, it-tbatija u tant ċirkostanzi oħra.
Iżda t-tieni ħaġa li ninnota f ’dan il-qari hija li Ġesù żamm f ’ġismu il-pjagi tal-passjoni. Malli jidħol ħdejn id-dixxipli huwa jurihom il-pjagi f ’idejh u f ’ġenbu filwaqt li jgħidilhom “Il-paċi magħkom”. Għalfejn jorbot flimkien id-don tal-paċi u r-realtà tal-pjagi? Għax għal Ġesù il-pjagi kienu qishom il-karta tal-identità tiegħu; kienu l-prova li dak li qed jaraw id-dixxipli mhuwiex xi illużjoni tal-massa, jew xi ħolma nostalġika. Huwa verament hu: l-istess ħabib u mexxej tagħhom li jumejn qabel rawh miċħud, imkasbar u maħqur sal-mewt. U issa jinsab quddiemhom, rebbieħ u rxuxtat.
U allura jekk huwa verament Ġesù quddiemhom, il-biża’ kollu jinħall, u minflok tidħol il-paċi, dik l-istess paċi li d-dinja ma tistax toffriha. Hija paċi ħanina u ġeneruża li trid tilħaq anki lil Tumas li ma kienx preżenti mad-dixxipli nhar Ħadd il-Għid filgħaxija. Minkejja li Ġesù huwa rebbieħ u glorjuż, jagħmel ġest ta’ ħniena u umiltà enormi: jistieden lil Tumas imiss b’idejh dawk l-istess pjagi. Hija paċi li trid tilħaq lil kulħadd, anki lill-iktar imbegħdin: mhijiex kumbinazzjoni li f ’din l-istess okkażjoni l-Mulej iżejjen lill-Knisja bil-qawwa li taħfer id-dnubiet.
Dal-vanġelu jfakkarna bl-iktar mod elokwenti li l-ebda bieb imbarrat ma huwa ostaklu għal Ġesù. Huwa stedina biex inħalluh jidħol fil-qlub imbeżżgħa tagħna sabiex ifejjaqhom bil-paċi u l-ħniena tiegħu. Għax dawk il-pjagi miftuħa huma tifkira permanenti ta’ dik l-imħabba li “m’hemmx ikbar minnha”.