It-2 Ħadd tal-Għid - Sena Ċ
FIDI LI TISSOGRA
Il-Vanġelu ta’ dal-Ħadd jurina aspett partikulari tal-ħniena: il-ħlewwa. Id-dehra ta’ Alla f’ħajjet il-bniedem ma timxix b’mod ġeneriku, anonimu jew standardizzat. Alla jerfa’ għal kull wieħed esperjenza waħdanija, personali u personalizzata. Il-beatitudni li Ġesù stqarr quddiem l-Appostlu Tumas – «Henjin dawk li ma rawx u emmnu» – żgur mhijiex il-fidi għamja, iżda l-fidi li tissogra. Anki jekk it-twemmin mingħajr evidenza u mingħajr ħtieġa ta’ provi hu għajn ta’ hena, hu hieni wkoll min tant għandu fiduċja fil-Mulej li ma għandux problemi biex jurih it-tbatijiet tiegħu, l-inkwiet u d-dubji tiegħu. Hu biss min iħobb u min iħossu maħbub jissogra jitlob għax jaf li mhux sa jkun deluż. Jeħtieġ nissograw nitolbu lill-Mulej, aħna u nuru x-xewqa li nkunu magħqudin ħaġa waħda miegħu. Hi waħda mit-toroq ewlenin biex naslu li hu, il-Maħbub l-«Mulej tiegħi u Alla tiegħi.»