It-2 Ħadd tal-Avvent - Sena B
ĦEJJU T-TRIQ TAL-MULEJ
Fr Edmund Teuma
San Mark jiftaħ il-Vanġelu tiegħu bil-figura ta’ Ġwanni l-Għammied, il-prekursur tal-Mulej. Fil-qedem qabel ma s-slaten kienu jmorru jżuru xi belt kienu jibagħtu qabilhom xi uffiċjal biex iħabbar il-miġja tagħhom, u biex iġiegħel lin-nies ta’ dik il-belt, li kienet tkun oasi f’nofs id-deżert, iwittu triq fid-deżert biex minnha jgħaddi s-sultan bla ebda xkiel. Din kienet sewwasew il-missjoni ta’ Ġwanni. San Mark jikkwota waħda mill-profeziji ta’ Isaija biex juri dan. Ix-xkiel li ried ineħħi Ġwanni biex Ġesù jibqa’ għaddej fi qlub il-bnedmin kien id-dnub. Għalhekk beda jagħti magħmudija li kienet sinjal ta’ ndiema. Dwar Ġwanni, San Mark jgħid li kien jilbes libsa tax-xagħar tal-ġemel bi ħżiem tal-ġild u kien jiekol ġradijiet u għasel – ikel tad-deżert. Dan ifakkarna fil-profeta Elija li wkoll kien jgħix fid-deżert u jilbes u jiekol b’dan il-mod. Skont it-tradizzjoni Lhudija, qabel il-miġja tal-Messija kellu jgħaddi Elija biex iħejji qlub il-bnedmin għalih. F’parti oħra tal-Vanġelu Ġesù, huwa u jirreferi għal Ġwanni l-Għammied, jgħid li Elija diġà ġie, u jgħid li Ġwanni hu l-akbar bniedem tal-ħolqien. Imma araw x’jgħid Ġwanni dwar Ġesù: “Ġej warajja min hu aqwa minni, li jien ma jistħoqqlix nitbaxxa quddiemu u nħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu.”