It-2 Ħadd tal-Avvent - Sena B
ĠWANNI l-PROTAGONISTA TAL-AVVENT
Huwa Ġenesi ġdid, Ħolqien ġdid, bidu ġdid. Għalhekk iż-żagħżugħ Ġwann-Mark, wieħed mid-dixxipli tal-ewwel siegħa, ta’ Ġerusalemm, daħal għad-dmir li jiġbor flimkien kitba biex taqdi lill-komunità li kienet għadha qed titwieled.
Hu iben qassis, iżda hu profeta. Kien midħla ta’ Ġerusalemm, iżda sab kenn fid-deżert. Kulħadd jitlob li jsiru sagrifiċċji fit-tempju mibni mill-ġdid. Hu jxandar l-indiema. U jiġbed in-nies lejn id-Deżert ta’ Ġuda sal-Ġordan, f’Esodu ġdid. Ma bediex jagħti t-tisfijiet ritwali iżda magħmudija vera u proprja fl-ilma. Hija simbolu ta’ bidla mill-għeruq fil-ħajja. Ġwanni l-Għammied ma għandux roħs: jekk trid bidu ġdid, jekk trid aħbarijiet tajba trid tħejji ruħek għal xi ħaġa kbira, aktar qawwija. L-aktar nett jekk diġà temmen. Trid tissogra. L-uniku mod li għandna biex minn dan il-Milied nagħmlu twelid ġdid hu li nindmu. Dan biss? U nisimgħu lill-profeti li jistednuna nħejju t-toroq. Alla jiġi meta l-anqas inkunu nistennewh. Jiġi b’mod li lanqas biss inkunu ħsibna fih. U ma nafux fejn u kif. Iżda jiġi. Jekk isibna. Ġwanni huwa l-protagonista ta’ dan l-Avvent. Hu wieħed mill-kbar, l-akbar wieħed. Setgħu jaħsbu li hu l-Messija, kulħadd ħaseb hekk. Setgħu jaħsbu li hu Alla, ħaġa, li anki llum, ħafna għadhom jagħmluha. Iżda jaf li mhuwiex hu d-dawl. Intebaħ, fehem, aċċetta u sab postu, il-qagħda tiegħu fil-pjan kbir ta’ Alla. U l-miġemgħa tinġabar. Illum ukoll il-profeti jgħajtu, u jistednuna nkunu lesti, nistenbħu. Alla għadu ġej.