It-2 Ħadd tal-Avvent - Sena B
INĦAFFU L-MIĠJA TA' JUM IL-MULEJ
Hu minnu li Alla jaf jikteb dritt fuq linji mgħawġin, iżda niftakru dejjem li l-Mulej huwa sinjur, ma jimponix u ma jġigħelx lil min jilqgħu bilfors. «Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu…». Dawn il-versi ta’ Isaija, li ħadhom il-Vanġelu, mhumiex stedina biex jitranġaw it-toroq tal-belt. Huma sejħa biex nerġgħu nsibu ħajjitna, biex inbiddlu ħajjitna, għax nafu li l-Mulej jarawh u jifhmuh biss il-qlub safja (kif jgħallimna San Mattew fil-ħames beatitudni). L-Avvent hu sewwasew iż-żmien biex nagħrfu l-fatt doppju, kif jinsab fit-Tieni Ittra ta’ San Pietru, jiġifieri li l-Mulej idum biex juri ruħu għaliex «hu jistabar bina» biex aħna nindmu, iżda, fl-istess ħin, aħna nistgħu, bil-qdusija tal-ħajja, «inħaffu l-miġja ta’ jum il-Mulej.» Ejjew nilqgħu f’ħajjitna l-magħmudija tan-Nar li timliena bl-għaġla f’waqtha tal-Ispirtu biex inħejju fi qlubna triq għal Kristu.