It-2 Ħadd tal-Avvent - Sena A
IL-PREDIKAZZJONI TA’ ĠWANNI
Fr Edmund Teuma
San Mattew iqegħdilna quddiemna lil Ġwanni l-Għammied, dak li ġie qabel il-Mulej biex iħejjilu triqatu. Hu kien jipprietka fid-deżert ta’ Ġuda u jgħid: “Indmu, għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet.” Fi kliem ieħor kien jgħid: “Biddlu r-rotta għax wasal il-Messija.” Għalih Mattew japplika s-silta ta’ Isaija fejn jissemma l-leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert. Fir-realtà Isaija jgħid xi ħaġa bħal: “Fit-tħarbit tad-deżert, ħejju t-triq tal-Mulej.” Jiġifieri fit-tħarbit ta’ ħajjitkom, wittu t-triq biex il-Mulej jibqa’ dieħel dritt f’qalbkom. Din hija l-indiema – l-istess ħaġa li beda jipprietka Ġesù fil-bidu tal-ħajja pubblika. Imma bejn Ġwanni u Ġesù hemm differenza kbira sew fl-istil tax-xandir kif ukoll fis-sustanza ta’ dak li kienu joffru. Ġwanni kompla bl-istil aħrax tat-Testment il-Qadim u ppreżenta Messija qawwi u vendikattiv li jagħmel ħaqq bejn it-tajbin u l-ħżiena. Ġesù, li hu Alla-Magħna, ġie biex jurina l-imħabba bla tarf tal-Missier. Hu ġie biex isejjaħ lill-midinbin għall-indiema mhux biex jikkundannahom. Għalhekk offrielhom magħmudija bil-maħfra tad-dnubiet. Il-magħmudija ta’ Ġesù li rċevejna aħna hija sagrament u taħfer id-dnubiet. Dwarha Ġwanni qal: “Jien ngħammidkom bl-ilma għall-indiema... Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar.”