It-2 Ħadd tal-Avvent - Sena Ċ
IS-SEJĦA NISRANIJA MHIJIEX TOQOL IMMA SEJĦA TA’ FERĦ
Is-silta tal-Evanġelu li qrajna llum isseħħ fi żmien meta l-poplu Lhudi kien qed jgħix żmien ta’ stennija. Il-Messija mwiegħed kien ilu 30 sena mwieled, madankollu l-poplu kien għadu ma ntebaħx bih. “Kien fid-dinja, imma d-dinja ma għarfitux” (Ġw 1: 10).
Fi żminijiet imtawla bħal dawn, aktarx li t-tentazzjoni ta’ bosta tkun li jew jaqtgħu qalbhom, inkella joqogħu jdejhom fuq żaqqhom jistennew bla ma jagħmlu xejn. Ġwanni bin Żakkarija, li aħna nafuh bħala Ġwanni l-Għammied jew il-Battista ma kienx wieħed minnhom.
Fil-kuntest taż-żmien li fih kien jgħix u li huwa ppreżentat lilna mill-Evanġelista fil-bidu tas-silta, huwa għaraf li kellu jagħmel xi ħaġa. Minn banda kien hemm il-paganiżmu tal-Imperu figurat f’Ċesri u f’Pilatu. Kien hemm ukoll is-sultan Erodi, li minkejja li kien Lhudi u bena mill-ġdid it-tempju ta’ Ġerusalemm, madankollu dan la bnieh għal Alla u wisq anqas għall-poplu, iżda riedu jkun bħala monument għall-kburija tiegħu. Imbagħad kien hemm il-mexxejja reliġjużi, irrappreżentati fil-qari mill-qassisin Anna u Kajfa li xi snin wara kienu deskritti minn Kristu nnifsu bħala għomja u mexxejja tal-għomja (Mt 15: 14).
F’dawk iċ-ċirkustanzi, Ġwanni għaraf sewwa s-sejħa li kellu, intebaħ li l-messaġġ li rċieva ma kienx għalih biss iżda Alla riedu jwasslu lill-poplu ta’ żmienu: “Ħejju t-triq tal-Mulej. Iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.”
U llum? Intbaħt li anki żmienna huwa wieħed ta’ stennija? Għaraft iċ-ċirkustanzi, politiċi, soċjali u reliġjużi li fihom qed ngħixu? Għarrixt ġo fik biex tara jekk il-kelma ta’ Alla għandhiex xi messaġġ li tridek twassal lil dawk ta’ madwarek? Lilek aktarx li ma jridekx tmur fid-deżert tal-Ġordan biex twassal dan il-messaġġ. Imma jista’ jkun jekk tħares madwarek ma tintebaħx b’deżerti oħra li fihom ukoll hemm nixfa kbira u għatx kbir, l-aktar l-għatx għall-kelma ta’ Alla, l-għatx għall-ħniena, l-għatx għall-ġustizzja! (Ara tmien l-ewwel qari).
Fuq kollox jeħtieġlek tagħraf li din is-sejħa Nisranija mhijiex toqol ieħor ma’ dak li għandek, imma sejħa ta’ ferħ u hena kif kiteb San Pawl lill-Filippin, u kif kiteb lilna l-Papa Franġisku fl-Eżortazzjoniet kollha tiegħu.