It-2 Ħadd tal-Avvent Ċ - Jum il-Mulej

Title
Go to content
It-2 Ħadd tal-Avvent - Sena Ċ

NINŻLU MIS-SUPPERVJA TAGĦNA BIEX INĦALLU 'L MULEJ IĦARES F'GĦAJNEJNA

Id-deskrizzjoni preċiża tal-istorja li biha jibda dan ir-rakkont ta’ din il-paġna trid turina kif Alla jirrispetta l-istorja tal-bniedem u tad-dinja u jaf il-mument ta’ kull wieħed u waħda minna u l-mument it-tajjeb meta jipprova jidħol fiha. Alla ma jisfurzax ruħu biex jidħol iżda jħalli lil kulħadd fil-libertà tiegħu biex meta jkun il-waqt niftħulu. Biex Alla jidħol irid ikun hemm ċerti atteġġamenti li tajjeb inkunu nafuhom biex nitħejjew tajjeb biex nilqgħu lill-Mulej li ġie, li ġej u li għad irrid jiġi. Alla ma seħħlux jidħol fil-palazzi ta’ Ċesari jew għand Ponzju Pilatu, l-anqas għand Anna u Kajfa li jirrappreżentaw is-settur reliġjuż, iżda jidħol fil-qalb umli ta’ Ġwanni l-Battista li huwa l-mudell ta’ dawk li jafu jistennew kif jixraq, il-miġja ta’ Ġesù. Anki d-deżert huwa l-aħjar post biex wieħed jistenna lil Ġesù għax fih ngħixu dawk l-atteġġamenti perfetti li jgħinuna nistennew tassew. Id-deżert għandu jkun il-mudell tal-ħajja tan-Nisrani biex fih wieħed jikber u jimmatura u jinfetaħ għal Alla. Mhux ta’ b’xejn li Alla ħalla lill-poplu Lhudi jdur u jdur għal erbgħin sena, sakemm ħejjieh kif kien xieraq biex jidħol fl-art mwiegħda. Fid-deżert wieħed ma jistax jieqaf mill-mixi iżda l-uniku għan tiegħu jkun li jkompli jimxi u jsib post aħjar. Mhijiex forsi din il-ħajja tan-Nisrani f’din l-art? Aħna pellegrini mexjin lejn l-art mwiegħda. Fid-deżert wieħed ma jistax jiġbor u jġorr ħafna affarijiet miegħu, anzi wieħed irid jitgħallem jivjaġġa ħafif kemm jista’ jkun biex jilħaq malajr il-post mixtieq. Mhux hekk għandha tkun ukoll ħajjitna fuq l-art? Fid-deżert wieħed ikollu jittama u jistenna li Alla jipprovdilu kollox: ilma, ikel, post għall-kenn. Niftakru meta Alla pprovvda l-manna fid-deżert u stieden lill-poplu jiġbor biss għal kuljum, u dan biex jgħallmu jistenna kuljum minn Alla u jemmen li hu sa jipprovvdilu. Fid-deżert jaqbel li nibqgħu magħqudin mal-oħrajn biex ma nintilfux, huwa perikoluż li nivvjaġġaw waħedna. Fit-tempesta tar-ramel tajjeb li kulħadd jaqbad id f’id u nimxu flimkien. Mhux l-istess għalina fid-dinja? Importanti li nkunu ġisem wieħed, familja waħda lkoll magħqudin waqt li għaddejjin minn dan il-wied tad-dmugħ, biex nagħmlu kuraġġ lil xulxin u ngħinu lil xulxin naslu flimkien fil-post mwiegħed.
 
Għalhekk f’din il-ħajja tagħna bħal fid-deżert hemm bżonn nitgħallmu liema atteġġamenti nieħdu biex ngħixu bl-aħjar mod din l-istennija ta’ Ġesù. Illum Ġwanni l-Battista jurina liema atteġġamenti fundamentali għandna bżonn nitgħallmu. Fl-Avvent nitgħallmu liema huma l-aħjar atteġġamenti biex inħejju it-triq għall-Mulej, u nħalluh jersaq lejna, fi kliem ieħor biex nidħlu f’relazzjoni miegħu. L-Avvent irid jgħinna nibnu s-sisien tal-ħajja Nisranija, il-qafas tar-relazzjoni tagħna ma’ Alla.
 
L-ewwel atteġġament huwa dak tal-umiltà. Ġwanni jistedinna nindmu jiġifieri nikkonvertu. Nagħrfu li d-dnubiet kollha tagħna ġejjin minn żball oħxon komuni. Dan jikkonsisti li l-bniedem ma jibqax jagħraf min tassew hu. Il-bniedem jinsa li huwa ħliqa ta’ Alla l-Missier u jippretendi li jkun hu Alla tiegħu nnifsu, tal-oħrajn u tad-dinja. Minn din l-idea żbaljata joħorġu d-dnubiet kollha kemm personali u kemm tad-dinja. Nibdew nieħdu kollox f’idejna, niddeċiedu dak li naħsbu li huwa tajjeb aħna u nagħmlu dak li jfettlilna. Ir-riżultat mhuwiex għajr dak kollu li qed naraw iseħħ f’ħajjitna stess u madwarna fid-dinja kollha.
 
Idea żbaljata oħra hija dik li ninsew li aħna lkoll ulied l-istess Missier u għalhekk aħwa. Ninsew li aħna rridu nirrispettaw lil xulxin u li l-liġi li tmexxina mhijiex dik tal-ġungla iżda dik tal-imħabba. Għalhekk l-ewwel atteġġament huwa li nagħrfu aħna minn aħna u nerġgħu nsibu postna fil-pjan ta’ Alla.
 
Atteġġament ieħor għandu jkun dak li nagħrfu kemm għandna f’ħajjitna widien vojta u muntanji u għoljiet. B’widien vojta, Ġwanni l-Battista jixtieqna nifhmu l-bżonn urġenti li għandna li l-Mulej jimlielna l-vojt kbir f’ħajjitna. L-Avvent huwa sejħa bla waqfien tal-Mulej biex jiġi jgħammar f’qalbna wara li nkunu għarafna tassew il-ħtieġa li għandna tiegħu, wara li nkunu għarafna li ma nistgħux insalvaw u li għandna bżonn ta’ Salvatur biex jiġi f’ħajjitna u jerfagħna minn xagħarna. Is-solitudini, il-vojt u d-dwejjaq li għandna f’qalbna mhuwiex sinjal negattiv iżda bozza ħamra li trid tfakkarna li hu biss jista’ jimlielna ħajjitna, u qalbna mhi sa ssib qatt kwiet qabel tistrieħ fih.
 
Il-Muntanji u l-għoljiet ta’ ħajjitna mhumiex ħlief dawk il-pedestalli li nibnu biex nippruvaw insiru flok Alla u biex naħkmu fuq l-oħrajn, f’kelma waħda s-suppervja tagħna. Ġwanni jistennina nħarsu u nitgħallmu minn Alla li mill-għoli tas-smewwiet niżel biex jgħammar magħna, għax min iħobbok ifittxek u jkun irid joqgħod ħdejk. Mhux biss ġie ħdejna iżda niżel jaħslilna saqajna u jaqdina. Aħna, mill-banda l-oħra, nogħlew ’il fuq bil-konsegwenza li ma niltaqgħu qatt miegħu. Ġwanni qed jistedinna ninżlu mis-suppervja tagħna u ninżlu b’saqajna mal-art biex inħallu l-Mulej iħares f’għajnejna bil-ħarsa ta’ mħabbtu. Għandna mnejn lanqas hekk ma nsibuh, għax il-Mulej kompla nieżel aktar ’l isfel; hu niżel jaħsillek saqajk.
 
Dawn huma l-atteġġamenti li wieħed irid jgħix f’dan iż-żmien tal-Avvent u dejjem, biex meta jiġi l-Mulej, isib it-triq miftuħa u t-twelid tiegħu ma jseħħx biss f’xi maxtura taħt xi altar, iżda fil-profond ta’ qalbek.
Din il-kitba ssibha fil-ktieb:
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content