It-2 Ħadd tal-Avvent - Sena Ċ
L-ISTORJA TA’ ALLA TEGĦLEB L-ISTORJA ĊKEJKNA TAGĦNA
Nistgħu niċċelebraw mitt Milied, bla ma qatt Alla jitwieled fi qlubna. Għalhekk
neħtieġu żmien li fih naħsbu f’ruħna, biex fl-aħħar inkunu nistgħu nilqgħu
d-dawl tal-Mulej.
Il-ftuħ solenni tal-predikazzjoni tal-Għammied juri l-ħsieb ta’ San Luqa li
jirrakkonta ġrajjiet storiċi, mhux ħrejjef ivvintati minn devoti twajba. Luqa
jrid juri (ġa dak iż-żmien!) li ma ġeriex wara l-ħrejjef imma li l-bxara li
wassal hi mibnija fuq sisien sammi. Id-deskrizzjoni tal-qagħda ġeo-politika ta’
żmien il-predikazzjoni tal-Għammied tħallina b’ħalqna miftuħ, u terġa’
tgħidilna li m’aħniex mexjin wara l-ħrejjef (anki jekk xi Nsara jġibu ruħhom
bħall-persunaġġi tal-operetti!) imma li l-fidi tagħna tistrieħ fuq sisien sodi.
Wara l-kliem hemm l-istorja mhux il-mit. Luqa, iżda, irid jgħid ukoll
ħwejjeġ oħra. Il-persunaġġi kollha fil-lista, min ftit, min wisq, għandhom
f’idejhom is-setgħa assoluta, jafu li jistgħu jiddeċiedu d-destini tal-popli,
iħossu ruħhom kbar u hekk huma. Il-Kelma ta’ Alla taqbeż b’mod eleganti
l-għonja kollha ta’ dak iż-żmien u tmur toqgħod fuq bniedem magħlub ta’ tletin
sena mikul mir-riħ tad-deżert u s-sawm, miġnun għal Alla ġellied u mgħaddab li
qagħad jinħela fuq xatt il-Ġordan: Ġwanni l-Għammied. Hekk hu, ħbieb, l-Istorja
ta’ Alla tegħleb l-istorja ċkejkna mimlija bid-dnewwa tal-bnedmin u tbiddilha.