It-2 Ħadd tal-Avvent - Sena Ċ
‘EMMEN U TARA...’
Xi jsir mid-dinja kieku ma jkunx hemm il-Fiduċja u l-Impenn?
Il-ħajja tagħna hi maħnuqa b’diversi vuċijiet u li tajjeb jew ħażin insibu lilna nfusna niggranfaw mal-vuċi li taqbel l-aktar għal widnejna. Forsi ftit li xejn nagħtu kas u nevalwaw l-għajn minn fejn tkun ġejja l-vuċi u għalhekk imsieken aħna meta nispiċċaw f’jasar ta’ niket u disperazzjoni!
F’dan it-Tieni Ħadd tal-Avvent, il-Liturġija tiftħilna żewġ twieqi oħra: fiduċja u impenn. Fiduċja f’Alla li jwiegħed kotra ta’ grazzji; impenn biex inkunu aktar attenti biex nisimgħuh u nilqgħuh.
Is-silta sabiħa tal-Profeta Baruk fl-ewwel qari, għandha tnaqqax fina din it-telqa f’idejn Alla. Ġerusalemm tinsab f’luttu għax il-poplu kien spiċċa eżiljat u l-profeta bi kliem sod jagħmel stedina: ‘Neħħi minn fuqek l-ilbies tal-hemm u n-niket. Ilbes id-dija tas-sebħ...’ Mal-istedina mbagħad tispikka l-wegħda ta’ bidu ġdid: ‘Alla jmexxi lil Israel bil-ferħ fid-dawl tas-sebħ tiegħu.’
Hi kelma ta’ wens kbir u li għandha tnissel fina fiduċja fil-ħniena u l-ġenerożità tiegħu.
Alla ma għandux preferenzi lil min isalva! Jiddependi minna, f’min qed inqiegħdu l-fiduċja tagħna biex naraw il-ħidma tiegħu f’ħajjitna. Il-Mulej:
- jagħti l-ħajja fejn hemm il-mewt;- inissel it-tama fejn hemm id-disperazzjoni;- ikebbes l-imħabba fejn hemm il-mibegħda;- jinseġ il-ħniena fejn hemm l-inġustizzja...
Fil-Vanġelu, Ġwanni l-Battista, il-ħabib tal-qalb ta’ Ġesù jagtħina tips għall-ħajjja filwaqt li jgħinna nifhmu kif nistgħu nimpenjaw ruħna aħjar biex dil-wegħda ssir realtà. L-għajta ta’ Ġwanni tistedinna:
· ‘inħejju t-triq għall-Mulej’ – billi niżbarazzaw dak li qed ikisser ir-relazzjoni ta’ bejnietna: pika, għejra, egoiżmu...· ‘niddrittaw il-mogħdijiet’ – billi nitbiegħdu minn dak li qed iħarbat il-ħajja tagħna: vizzji tal-logħob, xorb, droga...· ‘nimlew il-widien’ – billi nimlew il-vojt li hemm f’qalbna b’dak li jagħtina l-kuntentizza vera: il-Kelma t’Alla, is-Sagramenti, l-imħabba vera...· ‘kull muntanja u għolja titbaxxa’ – billi ma ngħollux rasna għax kull bniedem għandu dritt li jkun irrispettat, mismugħ, maħbub... Niftakru li l-umiltà hi it-triq tan-Nisrani.
Kliem Ġwanni jdaħħalna wkoll fl-impenn ta’ eżami tal-kuxjenza:
- Fir-relazzjoni tagħna mal-oħrajn qegħdin nuru ħniena, komprensjoni?- Qegħdin nagħrfu l-ħolqien kollu bħala rigal tal-Mulej?
Nitolbu lill-Mulej jagħnina bid-doni tad-dixxerniment u tal-fidi biex filwaqt li nisimgħuh, nintelqu fil-ħniena tiegħu!