It-2 Ħadd matul is-sena B
Ġwanni l-Evanġelista jiftaħ il-Vanġelu tiegħu billi jixhed li Ġesù, il-Verb li ġie jgħammar fostna, hu l-Messija. Indrì, wara li ltaqa’ ma’ Ġesù, mar għand ħuh Xmun Pietru u qallu: “Sibna l-Messija!” U ħadu għand Ġesù. Jekk Ġesù hu l-Messija, dan ifisser li hu l-qaddej fidil ta’ Alla, marbut ħaġa waħda ma’ Alla l-Missier b’ubbidjenza reliġjuża. Dan hu li tfisser li l-espressjoni l- “Ħaruf ta’ Alla.” Bl-Aramajk, l-ilsien li kienu jitħaddtu bih fi żmien Ġesù, il-kelma li ntużat tfisser kemm “ħaruf tas-sagrifiċċju” u kemm “qaddej”. Iż-żewġ tifsiriet joqogħdu għal Ġesù. Hu stess qal f’parti oħra tal-Vanġelu: “L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda tal-Missier.” U hawn tinsab is-salvazzjoni tal-bniedem. Id-dixxipli marru jfittxu lil Ġesù u laqgħu bil-qalb is-sejħa li għamlilhom. Għandna ħila aħna nagħmlu bħalhom: nilqgħu u ngħixu r-rieda ta’ Alla f’ħajjitna?