It-2 Ħadd matul is-sena B
IL-MIXJA SPIRITWALI
Ħallew effett dejjiemi dawk l-ewwel kelmiet li Ġwanni sema’ mingħand Ġesù, tant li semmiehom bħala l-ewwel kelmiet fuq fomm il-Mulej fil-Vanġelu tiegħu: «X’intom tfittxu?» Dan hu l-aqwa waqt f’kull mixja wara xi ħadd. Nistgħu nibdew nimxu wara Ġesù għal raġunijiet differenti. Anzi, nistgħu nkunu ġa bdejna mexjin wara xi ħadd b’wirt mingħand il-ġenituri tagħna jew mill-ambjent fejn ngħixu. Iżda d-dħul fejn jgħammar Ġesù jseħħ meta nħallu lill-Imgħallem idur lejna, iħares lejna u jagħmlilna din il-mistoqsija: «X’intom tfittxu? X’hemm tabilħaqq f’qalbkom?» Fir-ritorn lejn il-qalb, tant għażiż għat-tradizzjoni monastika, insibu l-muftieħ tal-awtentiċità tal-mixja spiritwali. Għandu raġun San Ġwann Griżostmu meta jgħid: «Min isib il-bieb ta’ qalbu, isib li dak hu bieb is-saltna ta’ Alla.» Is-smigħ tax-xewqat tagħna l-aktar profondi, f’atmosfera ta’ attenzjoni sinċiera għal leħen l-Ispirtu, hu l-bidu ta’ esperjenza li tbiddlilna ħajjitna. Irridu nippruvaw biex nemmnu.