It-2 Ħadd matul is-sena B
IS-SEJĦA
«X’inhi s-sejħa tiegħi, Mulej?» Kemm minna għamlu din il-mistoqsija f’żgħożithom, f’dak iż-żmien li fih il-mistoqsijiet huma l-melħ tat-tweġiba eżistenzjali? Kemm minna għamlu din il-mistoqsija mhux bħala waħda li ssir biex issir, iżda bħala mistoqsija lilhom infushom – biex idaħħlu lilhom infushom f’diskussjoni – b’xewqa sinċiera li jsiru jafu xi jrid il-Mulej? U kemm-il darba t-tweġiba ma smajnihiex għax qallibna moħħna biex nifhmu fit-teorija l-aktar ħaġa konkreta li teżisti: il-ħolma ta’ Alla għalina? Ġesù jsalva liż-żewġ dixxipli minn dan iċ-ċirku vizzjuż: «Ejjew u araw» qalilhom. Kliem sempliċi. Hu l-istess kliem li llum hu jgħid lilna wkoll. Ġesù jgħidli u jgħidlek: «Idħol fir-realtà. Għixha bis-sħiħ. Imxi warajja hemm fejn issa tara ċar, hemm issibni u dak il-ħin biss tara ċar biex tieħu l-pass li jkun imiss. Ejja u ara.» Il-vokazzjoni mhijiex għażla li ssir darba biss, iżda hija għażla li ssir kuljum, f’kull waqt, li timxi wara Ġesù u tara… mhux it-triq kollha, iżda pass kull darba.