It-2 Ħadd matul is-sena A - Jum il-Mulej

Title
Go to content
It-2 Ħadd matul is-sena A
ARAW IL-ĦARUF TA’ ALLA
 
Ġwanni l-Evanġelista jitkellem dwar l-esperjenza li kellu Ġwanni l-Għammied meta Ġesù resaq lejh biex jitgħammed fil-Ġordan. Kif lemħu riesaq Ġwanni qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla...” Il-kelma “ħaruf” bl-Aramajk tfisser sew dak l-annimal ġwejjed li hu l-ħaruf, u sew qaddej. Iż-żewġ tifsiriet joqogħdu tajjeb għal Ġesù, li bħal ħaruf meħud għall-qatla ma fetaħx ħalqu u offra lilu nnifsu bħala sagrifiċċju jfuħ quddiem Alla. Ġesù huwa l-qaddej fidil ta’ Alla l-Missier li ġie fid-dinja biex jifdi l-bnedmin bil-mewt tiegħu fuq is-salib. Huwa qatt ma ħareġ ’il barra mill-ubbidjenza tal-Missier u baqa’ sal-aħħar Messija sofferenti. Il-missjoni ta’ Ġesù hi li “jneħħi d-dnub tad-dinja” jiġifieri d-dnub tan-nisel li hu l-qofol ta’ kull dnub ieħor li sar wara dak ta’ Adam. Ġesù qata’ mill-għeruq id-dnub tad-dinja li kien qata’ lill-bniedem minn Alla, u reġa’ għaqqad il-bniedem ma’ Alla. Il-missjoni ta’ Ġesù għandha s-siġill tal-Ispirtu s-Santu: “Fuq min tara l-Ispirtu jinżel u joqgħod, dak hu li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu.” Hija l-magħmudija li rċevejna aħna, li fiha niżel fuqna l-Ispirtu tal-Missier u tal-Iben u tana l-grazzja li nsiru wlied Alla fl-Iben ta’ Alla, u flimkien miegħu nirtu s-Saltna.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content