It-2 Ħadd matul is-sena - Sena A
IL-MESSIJA-ĦARUF
Ġwanni għadu maħsud. Qatt ma basar li kien sa jara lil Alla fost il-midinbin, sinjal ċar tal-bidla mill-għeruq li kienet qiegħda sseħħ. L-aktar profeta b’xortih ħażina qatta’ ħinu jhedded bil-kastigi ta’ Alla. Issa jinsab maħsud, huwa wkoll jistagħġeb bil-mod kif Alla wasal f’daqqa.
Ġesù hu l-ħaruf, jgħid Ġwanni. Il-ħaruf, l-annimal li jinqatel bla ma jiftaħ ħalqu. Imħanxar lejlet l-Għid biex jittiekel, hija u ssir it-tifkira tal-ħarba mill-jasar. Il-ħaruf, bħal dak tal-profezija ta’ Isaija kif smajna, dawk il-ftit kapitli li jaqilbu ta’ taħt fuq l-idea ta’ messija ġellied u rebbieħ u juruna qaddej sofferenti. Il-ħaruf, bħal dak li nqatel minflok Iżakk fis-sagrifiċċju ta’ missieru Abraham. Kemm kellu xbihat Ġwanni f’qalbu. U f’qalbna. U hawn għandna l-mod kif jaħseb Alla. Ġwanni diġà qed jara, f’dak il-bniedem, id-determinazzjoni u l-ħlewwa, il-qawwa u r-rassenjazzjoni. Il-leħen baqa’ bla kelma. Le, l-Għammied mar żmerċ. U bil-kbir. Jammetti li ma fehemx, li ma għaraf xejn. (Jekk l-akbar wieħed fost il-bnedmin kellu d-dubji u kellu jbiddel, jiena wkoll jista’ jkolli d-dubji u nbiddel). Il-Messija ma ġiex biex jixħet it-tiben fin-nar li ma jintefiex, m’hemm ebda mannara lesta biex tqaċċat xi siġra. Il-Messija, dan il-Messija, minflok jaqta’ jiżbor u jdemmel is-siġra, u jistenna l-bidla.