It-2 Ħadd matul is-sena - Sena A
L-GĦAJN TAL-ISPIRTU
Il-Vanġelu ta’ dan il-Ħadd hu mimli bil-ħars, dik il-ħaġa tal-għaġeb li għandhom ħila jagħmlu għajnejna. Hemm ħars distratt li jibqa’ biss fil-wiċċ... u hemm ħars li jinfed, li jaqra ġewwa, ħars li joħloq stejjer ta’ mħabba u ta’ ħbiberija, stejjer ta’ dejjem. Ġwanni kellu ħarsa attenta li biha seta’ jagħraf lil Kristu anki jekk ma kienx jafu qabel. Kien jaf lill-kuġin, Ieshu, iżda l-identità vera ta’ Ġesù kienet murija lilu, għax bis-smigħ tal-Ispirtu, baqa’ lest biex imur lil hinn mill-magħruf biex jagħraf lil dak li ġej. Ħarstu mhux biss kienet tara, ħarstu kienet qiegħda tisma’. Kemm hu minnu dak li jgħid il-filosfu Jean-Louis Chrétien, jiġifieri li s-smigħ jaqbel aktar mal-ħars! Il-ħarsa ta’ Ġwanni kienet qed tisma’ l-Ispirtu, kienet qed tħalli lilha nfisha titmexxa, u għalhekk għajnu fuq Ġesù ma kinitx għadha għajn tad-demm u l-laħam, iżda l-għajn tal-Ispirtu, «l-għajn tal-Ħamiema,» kif jgħidu missirijiet il-Knisja.