It-2 Ħadd matul is-sena Ċ - Jum il-Mulej

Title
Go to content
It-2 Ħadd matul is-sena Ċ

FESTA TA’ SALVAZZJONI
 
Ejjew inħarsu lejn dan l-episodju tal-bidu tal-ħajja pubblika ta’ Ġesù biex fih nilmħu s-simboliżmu qawwi li jwassalna biex nifhmu l-messaġġ li jrid iwasslilna Alla. Il-festa tat-tieġ: fil-Bibbja s-salvazzjoni li jagħtina Alla hija ppreżentata f’għamla ta’ festa kbira li fiha jittiekel ikel mill-aqwa u jinxtorbu nbejjed fini (ara Is 25:6; 55:1-2). Hawn għandna ilma mibdul fi nbid li skont il-head waiter kien itjeb minn dak lil nxtorob qabel u naqas. L-inbid li qabel kien ilma huwa t-Testment il-Ġdid li beda bil-miġja ta’ Kristu, li ġie biex iġedded il-liġi ta’ Mosè (l-inbid ta’ qabel). Is-sehem ta’ Marija: San Ġwann ma jirrakkontax it-twelid ta’ Ġesù, iżda fil-bidu tal-Vanġelu tiegħu jirrakkonta dan l-episodju tat-tieġ li seħħ fil-bidu tal-ħajja pubblika. Hawn għandna lil Marija li tiled lil Ġesù għall-ħajja missjunarja tiegħu. Dan juri x’sehem kbir għandha Marija fl-istorja tas-salvazzjoni: minnha twieled is-Salvatur mhux biss bħala bniedem iżda wkoll bħala appostlu jew xandar tal-Bxara t-Tajba. Il-kelma “mara”: hija titlu ta’ rispett kbir li Ġesù jużah f’mumenti solenni u speċjali: jużah darbtejn ma’ ommu, hawn fil-bidu tal-ħajja pubblika u fit-tmiem, meta minn fuq is-salib qalilha: “Mara, hawn hu ibnek”; u darb’oħra ma’ Marija ta’ Magdala biex wara l-qawmien mill-mewt tiegħu jfarraġha u jibgħatha xxandru lid-dixxipli. Jużah ukoll mas-Samaritana, meta din kienet waslet biex fih tara d-dawl (Ġw 4:21). Dak li ġara fit-tieġ ta’ Kana Ġwanni jsejjaħlu “l-ewwel wieħed fost is-sinjali” li juru min hu: il-Mulej tal-glorja.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content