It-18-il Ħadd matul is-sena B - Jum il-Mulej

Title
Go to content
It-18-il Ħadd matul is-sena B

L-IKEL BIEX TGĦIX
«Sinjur, agħtina dejjem minn dan il-ħobż.» Biex ngħixu neħtieġu l-ikel. Flimkien mal-arja u l-ilma, l-ikel hu wieħed mill-imfietaħ tal-ħajja. L-ikel huwa ż-żejt ta’ ħajjitna u mingħajru tintilef l-enerġija u l-ħajja. Ġesù jaf tajjeb il-ħtiġijiet tal-bniedem u jurina x’għandna nagħmlu biex intaffu l-ġuħ ta’ min jitlobna nitimgħuh. Hemm ikel li l-ġisem ma jistax joqgħod mingħajru biex jgħix, imma hemm ukoll ġuħ ieħor li hu aktar importanti: il-ġuħ ta’ Alla, il-ġuħ tal-imħabba, tal-ħbiberija, tal-ferħ, tal-hena. Ilkoll inħossu l-ġuħ ta’ ħajja li ma tikkuntentax ruħha bl-għajxien, għax tixtieq l-abbundanza. Alla joffri l-ħajja bl-abbundanza. Bħall-miġemgħa tal-Vanġelu, aħna wkoll illum nistgħu nifhmu xi jfisser li jkollok l-ikel biex tgħix u li jkollok l-ikel biex tgħix fl-abbundanza. Ġesù Kristu hu l-ħobż li jagħti l-ħajja ta’ dejjem: imħabba, sliem, ħelsien, sens, ġmiel. Loqma ħobż tas-sema hija l-milja tal-ħajja fina, il-gost tal-ħajja li tmiss u tfawwar fil-ġewwieni tal-eżistenza. Kemm inti ħelu, Mulej! Tqassam il-ħobż biex tmantni l-ġisem, iżda għalik dan mhux biżżejjed: tqassam lilek innifsek bħala ħobż biex ħajjitna tiffjorixxi mill-profond.  
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content