It-18 Ħadd matul is-sena Ċ
BILANĊ U ĦELSIEN
Ġesù ma kienx wieħed li jaf kollox u jitħaddet fuq kollox. Ma kienx jitkellem fuq kollox u ma kellux fehma dwar kollox. Ma kienx wieħed li jaf kollox, iżda kien mgħallem għaref. L-għaref hu dak li jaf iqis id-disponibbiltà tiegħu u jaf meta għandu jitkellem u meta għandu jiskot. Jaf – kif jgħid Koħelet – li kull ħaġa taħt ix-xemx għandha żmienha, hemm żmien li titkellem u żmien li tiskot; jaf li hemm żminijiet meta hu ta’ ġid li titkellem u oħrajn li fihom aħjar ma tindaħalx. Sabiħ il-ħelsien ta’ Ġesù: «Ħabib, min qegħedni mħallef fuqkom, jew qabbadni nqassmilkom il-ġid bejnietkom?» Iżda għalkemm ma ndaħalx, Ġesù għandu ġudizzju ċar tal-fatti. Ma riedx jagħmilha ta’ kummerċjalist, iżda ma ħbiex il-ġudizzju spiritwali fuq ir-regħba. Lil hinn minn dan il-każ partikulari li fih Ġesù jagħti tagħlima fuq ir-regħba, dan il-Vanġelu hu kwadru sabiħ fuq il-bilanċ u l-ħelsien ġewwieni tal-Mulej li aħna msejħin biex nikkuntemplaw u nimitaw.