It-13 Ħadd matul is-sena Ċ - Jum il-Mulej

Title
Go to content
It-13 Ħadd matul is-sena Ċ
ĠESÙ JRID KOLLOX

Is-silta tal-lum tista’ tinqasam fi tliet taqsimiet, iżda kull taqsima għandha l-istess messaġġ: Ġesù jrid kollox mingħand dawk li jridu jimxu warajh. L-ewwel xena teħodna ftit żmien qabel il-passjoni meta Ġesù b’rieda sħiħa beda miexi mill-Galilija lejn Ġerusalemm biex jagħti ħajtu minn jeddu. Bagħat qablu lil xi ħabbara biex ixandru l-miġja tiegħu fis-Samarija li kienet tinsab fit-triq bejn il-Galilija u l-Lhudija. Iżda billi hu kien sejjer lejn Ġerusalemm, fejn kien hemm it-tempju ta’ Alla, in-nies tas-Samarija, għedewwa tal-Lhud, li kellhom tempju ieħor “tagħhom” fuq l-għolja Gariżim, ma ridux jilqgħuh. Ir-reazzjoni tad-dixxipli Ġakbu u Ġwanni, “ulied is-sajjetti” kienet li jniżżlu n-nar fuq dawk in-nies u jeqirduhom. Iżda Ġesù, il-bniedem tal-paċi, ċanfarhom. Il-Mulej ma jniżżel in-nar fuq ħadd... huma n-nies tad-dinja li jidħlu fih. Il-Mulej hu Salvatur u jrid li kulħadd isalva ibda minn dawk li ma jridux jilqgħuh. It-tieni xena turina lil Ġesù jaqra l-qlub u kif intebaħ li min talbu jilqgħu bħala dixxiplu kellu interessi materjali, urieh li l-mixi warajh hu mmarkat bit-taħbit u l-faqar mhux bil-ġid materjali li jiġi minn xi karriera. It-tielet u r-raba’ xena juruna l-istess ħaġa: min iħoss is-sejħa li jimxi wara Ġesù, lill-Imgħallem irid iqiegħdu fuq nett fil-lista tal-prijoritajiet: saħansitra qabel u lil hinn mill-interessi tal-ġenituri, tal-qraba u tal-ħbieb... għax Ġesù mingħandna jrid kollox.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content