It-13 Ħadd matul is-sena Ċ
IRID DIXXIPLI LESTI LI JIBQGĦU MIEGĦU
Il-Vanġelu llum jitkellem fuq id-dixxipulat. U, serrħu raskom, din mhijiex silta allegra li wieħed jaqraha fis-sajf ħdejn il-baħar. Li ssir dixxiplu ta’ Alla ta’ Ġesù Kristu hi ħaġa li torbtok tul ħajtek kollha, u titlob minnek ħafna enerġija u ħafna verità miegħek innifsek.
Ġesù mhuwiex rabbì mxennaq għad-dixxipli, lanqas ma jitkellem b’mod biex jogħġob lill-miġemgħa, u lanqas ma jċedi għall-kompromessi biex jirbaħ l-appoġġ: mhux bħal dawk id-diretturi tal-ispirtu li lbieraħ u llum xtaqu jiksbu isem, u lanqas ma jrid madwaru ġmiegħi li jċapċpulu. Hu jrid biss ixandar is-Saltna, juri l-wiċċ sabiħ u mhux mistenni tal-Missier. Anki meta dan jiswielu t-taħbit u d-demm. Bil-maqlub ta’ dak li kien jiġri mar-rabbini ta’ żmienu, Ġesù ma joqgħodx biex jagħżluh, iżda hu jagħżel id-dixxipli u jqegħdilhom kundizzjonijiet li huma qatt ma stennew… Il-kundizzjonijiet biex issir dixxiplu ta’ Ġesù joħorġu bħala sfida: hu jrid dixxipli lesti li jibqgħu miegħu sal-aħħar, mhux biss fil-waqt mistiku tal-ħajja. Il-paġna tal-lum tibda bil-fatt li Ġesù jimxi determinat lejn Ġerusalemm, post fejn ix-xandir tal-Vanġelu jiltaqa’ mat-tiġrib. Ġesù jwebbes wiċċu, jilqa’ l-isfida bis-sħiħ: jibqa’ għaddej bla waqfien lejn il-belt li toqtol il-profeti, li tbiċċer kull fehma, li xxejjen kull ħaġa ġdida għax taħsibha perikuluża. Ġesù jinsab lest li jmut biex juri l-wiċċ veru ta’ Alla. Mid-dixxipli tiegħu jistenna l-istess konvinzjoni.