It-12-il Ħadd matul is-sena B
Meta raw x’setgħa għandu Ġesù, li saħansitra kellu l-ħila jsikket lir-riħ, staqsew: “Dan min hu, mela?” Ġesù kien magħhom, imma huma kienu neqsin mill-fidi. Mhux ta’ b’xejn qalilhom: “Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?” Aħna sikwit ngħaddu mill-istess esperjenza li għaddew minnha d-dixxipli fil-baħar imqalleb tal-ħajja. U aħna bosta drabi nonqsu wkoll mill-fidi, u naħsbu li l-Mulej mhux jagħti kasna jew li hu rieqed bħalma kien fil-poppa tad-dgħajsa li nqabdet fil-maltemp. Iżda ejjew ma ninsewx x’qalilna: “Jiena magħkom dejjem sal-aħħar taż-żmien.” Dan ifisser li meta ma nħossuhx preżenti mhux għax hu jkun “rieqed”, imma għax moħħna jkun band’oħra.