It-12-il Ħadd matul is-sena - Sena A
ĦARSA TA' IMĦABBA
Mattew ħalla kollox biex jimxi wara l-Mulej: fil-ħarsa tal-Imgħallem ra l-ħlewwa ta’ bla tmiem ta’ Alla, il-maħfra, il-kumpassjoni, il-ħniena. Dik l-stess ħarsa, issa, Mattew hu msejjaħ biex idawwarha fuq l-aħwa li ntbagħat għandhom.
Aħna msejħin biex ngħajtu minn fuq il-bjut li Alla jgħodd saħansitra x-xagħar ta’ rasna, li Alla mhuwiex ikrah u xi ħadd li ma nifhmuhx bħalma jpinġuhulna, bħalma ħafna Nsara għadhom jemmnu u jgħidu, li Alla jħobb minn dejjem lill-għasafar tal-bejt u jaf x’jeħtieġu, li Alla ta’ Ġesù hu ta’ ġmiel liema bħalu. Ngħajtu minn fuq il-bjut li Alla hu kbir, li Alla jħobbna, li Alla hu preżenti, bħal qalb in-namrat, li kollu minfuħ, irid jgħarraf lil kulħadd l-esperjenza tiegħu. Lill-bniedem biered, maqbud fit-taħwid tal-ħajja, Ġesù jħabbar il-wiċċ ħelu ta’ Alla li jimxi magħna. Xandruh b’leħen għoli minn fuq il-bjut! – jgħid Ġesù. Iżda wisq darbi nistħu nuru li aħna Nsara, iva, malajr ngħidu li nemmnu, iżda b’ħafna tkewtil, b’ruxmata oġġezzjonijiet, biex ma nidhrux koroh quddiem id-dinja “moderna”. Jiġuni d-drabi meta nippruvaw nagħmluha ta’ Nsara “politically correct”, meta nċedu għall-kompromessi biex tilqagħna din id-dinja ipokrita jew liberali li hi liberali biss ma’ min jaħsibha bħalha. Inħobb lil Kristu jfisser inħobb lill-Knisja sal-mewt, inbati minħabba l-infedeltajiet tagħha, li huma tiegħi, dejjem f’tensjoni bejn Knisja li rrid niddefendiha quddiem id-dinja u dinja li rrid nilqagħha f’qalb id-dixxipli.