Is-7 Ħadd tal-Għid - Sena A
FI KRISTU, L-UMANITÀ TINSAB MAĠENB IL-MISSIER
Meta temm il-missjoni tiegħu fuq din l-art, Kristu reġa’ mar lura lejn il-Missier, issa mhux biss bin-natura divina tiegħu ta’ Alla, imma bin-natura umana wkoll li hu kien ħa fuqu bl-Inkarnazzjoni. Issa, fil-ġenna hemm mhux biss spirti qaddisa, imma hemm ukoll l-umanità tal-bniedem, għax Bin il-Bniedem qiegħed fil-lemin ta’ Alla bil-ġisem glorjuż tiegħu.
Meta Kristu tela’ s-sema, huwa refa’ ’l fuq in-natura tagħna l-bndemin, għaqqad darba għal dejjem din il-preżenza tan-natura umana man-natura divina. Huwa tela’ s-sema biex jurina dak li għad irid iseħħ fina fl-aħħar taż-żmien meta aħna, ta’ bnedmin li aħna, bi grazzja kbira ta’ Alla, nerġgħu nqumu bil-ġisem li jixbah lil dak ta’ Kristu Rxoxt u mmorru ngawdu lil Alla għal dejjem, mhux biss bir-ruħ tagħna, imma bil-ġisem ukoll.
Kemm hija ħaġa kbira! Kemm huwa importanti li aħna jkollna rispett lejn il-ġisem tal-bniedem li għad irid imur igawdi lil Alla għal dejjem! Ikun żball jekk wieħed jaħseb li l-ġisem tal-bniedem ma huwa xejn: jiswa, u kif! Tant jiswa li Kristu nnifsu ħa fuqu l-ġisem ta’ bniedem bħalna, u wara li qam mill-mewt tela’ fis-sema maġenb il-Missier biex minn hemm ikompli jsalva l-bnedmin kollha. Kristu miet darba għal dejjem, u kien biżżejjed biex permezz tal-mewt tiegħu l-bnedmin kollha jsalvaw. Imma l-offerta ta’ Kristu lil Alla l-Missier f’isem il-bnedmin, hija dejjiema, tibqa’ sal-aħħar taż-żmien sakemm kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hi Kristu, kulma hu fl-art u kulma hu fis-sema.
Għalhekk it-tlugħ ta’ Ġesù fis-sema jfisser ħafna għalina l-bnedmin: għax permezz ta’ dan il-mument solenni fil-ħajja ta’ Ġesù, issa l-umanità tinsab maġenb il-Missier Alla għal dejjem. Kristu, il-Bniedem-Alla, jaqbeż u jinterċedi għalina bla waqfien quddiem il-Missier. Hu li bata u miet għalina biex isalvana, qam mill-mewt biex aħna ma mmutux aktar imma jkollna l-ħajja ta’ dejjem fil-ġenna mal-Missier, mal-Iben u mal-Ispirtu s-Santu. Ammen.