Is-7 Ħadd tal-Għid - Sena A
L-ESPERJENZA TA' ALLA
Id-dixxipli baqgħu mistagħġbin u b’togħma qarsa. L-Imgħallem sejjer issa, sewwasew meta fehmu x’inhu l-pjan ta’ Alla għal Ġesù, sewwasew issa li, fl-aħħar, għelbu n-niket u ħallew il-ferħ jidħol f’qalbhom!
Mhux bħal Luqa, Mattew jgħid li l-Mulej telaq minn fuq muntanja tal-Galilija. Muntanja li tirrappreżenta l-post tal-esperjenza ta’ Alla: min biss iltaqa’ miegħu jista’ jirrakkontah b’mod li jitwemmen. U fil-Galilija: il-post tal-fruntiera, tar-razza mħallta, tal-konfini. Fi żmien Ġesù tgħajjar lil xi ħadd Galilew kien insult! Il-Galilija, iżda, hija wkoll il-post fejn beda kollox, il-post tal-laqgħa, tat-tħabbib: biss jekk nitilqu mill-esperjenzi li wassluna għall-indiema nkunu nistgħu nħabbru l-Mulej fis-sewwa. Dan hu li jfisser tħarisx lejn is-sema: itlaq mill-faqar tal-parroċċa tiegħek, mis-sens ta’ telfien li tħoss meta tgħix f’pajjiż ġellied fejn hemm l-ispirtu tal-partiti, li jagħtik l-impressjoni li qed tgħix fi tmiem ta’ xi Imperu li qed jaqa’ taħt it-toqol tal-ħafna kliem. Hawn aħna msejħin biex inġibu s-Saltna preżenti, inġibu t-tama preżenti. Hawn, f’din il-Knisja dgħajfa, f’dinja dgħajfa, li Alla jibqa’ jħobbha dejjem.