Is-7 Ħadd tal-Għid A - Jum il-Mulej

Title
Go to content
IS-7 Ħadd tal-Għid - Sena A

NISIMGĦU L-KELMA TA’ ALLA... U NKUNU QALB WAĦDA U RUĦ WAĦDA!

L-akbar prova tal-ewwel komunità, wara l-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet kienet meta rawh jittieħed lejn is-smewwiet, għaliex dak li tant ittamaw għalih u fih, issa deher li spiċċa wkoll. F’din il-prova daqstant kiefra għalihom, id-dixxipli sabu l-faraġ tagħhom fis-sahra u fit-talb bħala komunità miġbura flimkien fiċ-ċenaklu.

Għal darb’oħra niltaqgħu mal-espressjoni, ‘kienu qalb waħda’. L-importanza ta’ din ir-realtà, li l-Insara huma msejħin biex ikunu qalb waħda u ruħ waħda ftit li xejn nagħrfuha. Forsi dan għaliex ilkoll kemm aħna, għadna ma nistgħux nifhmu sewwa, il-kobor u l-ġmiel ta’ meta l-aħwa jgħixu flimkien. Jista’ jkun għaliex qatt ma għamilna esperjenza jew forsi għaliex naħsbu li l-komunità toħnoq il-libertà. Imma naraw, fl-istess ħin li l-ewwel dixxipli ta’ Ġesù dejjem fittxu l-aħwa, għaliex fl-aħwa, u għalhekk fil-komunità, dejjem raw taħdem il-qawwa ta’ Alla l-Imbierek. Fir-realtà komunitarja, id-dixxipli jiftakru ħafna aktar fil-kliem ta’ Ġesù, għaliex fejn hemm tnejn jew aktar miġbura f’ismu, hemm hu wkoll. L-aħwa jfakkru lil xulxin u jgħinu lil xulxin fil-mixja spiritwali ta’ radd il-ħajr lil Alla u ta’ servizz lill-bnedmin.

Din il-qawwa u dan il-kuraġġ id-dixxipli kellhom bżonnhom, sewwasew f’dan iż-żmien li ħassewhom abbandunati. Nistgħu nobsru, li fil-ħemda taċ-ċenaklu, ftakru fil-kliem sabiħ: ma nħallikomx iltiema, sejjer u nerġa’ niġi u qalbkom tifraħ. Kollha kemm aħna nafuh dan il-kliem u kollha kemm aħna nippruvaw ngħixu bih, imma kemm ikun diffiċli, meta fi żminijiet koroh inkunu waħedna; fl-ebda żmien ma għandna nkunu waħedna, u wisq iżjed fi żmien in-niket.

Naħseb li l-qofol tal-ħajja Nisranija tintlaħaq fil-komunità meta din tkun minsuġa minn nies li jafu min hu Ġesù u għamlu esperjenza tiegħu għaliex dan l-għarfien hu l-bidu tal-ħajja ta’ dejjem f’din id-dinja. Kif jgħidilna Ġesù, mal-ħajja ta’ dejjem tiġi wkoll il-glorifikazzjoni ta’ Alla u tal-bniedem. F’dawn il-ftit Ħdud ta’ żmien l-Għid, il-Knisja twassalna permezz tal-Kelma biex naslu għal dan l-għarfien u nħejju ruħna tajjeb, biex nilqgħu l-Ispirtu s-Santu, id-Difensur, li jimla l-qlub ta’ dawk li jemmnu u jkebbes fihom in-nar tal-imħabba ta’ Alla.



ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content