Is-7 Ħadd tal-Għid A - Jum il-Mulej

Title
Go to content
Is-7 Ħadd tal-Għid - Sena A
GĦODDA F'IDEJN ALLA
Mhux tajjeb niġġeneralizzaw, iżda nistqarr li nara sens imxerred ta’ sfiduċja u ta’ pessimiżmu f’bosta ambjenti Nsara. Fihom issib min jitkellem dwar dinja li issa ċediet għall-ħażen għan-nuqqas ta’ twemmin u li f’dil-qagħda l-aktar li nistgħu nagħmlu hu li neħilsu ħafif, speċi ta’ ġirja «jsalva min jista’.» Jekk neħlu ma’ din il-mentalità ta’ emerġenza, ninsew kliem Ġesù: «Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art.» Ġesù jista’ kollox, hu r-rebbieħ fuq il-ħażen, fuq id-dnub u fuq l-għeluq. Dan ma jfissirx li jagħtina xi setgħa maġika fuq il-kuxjenzi u fuq il-libertajiet tan-nies. Iżda jfakkarna li dak li jinsab fina hu akbar minn dak li jinsab fid-dinja. Anzi, anki fil-qalb ta’ min jiċħad, hemm żerriegħa tar-rebħa ta’ Kristu. Dmirna hu li nkunu għodda f’idejn Alla li jrid jerġa’ jagħti l-ħajja lil din iż-żerriegħa. F’qalb kull bniedem hemm il-fjamma tat-Trinità li qed tistenna li terġa’ tqum u tiddi. Ejjew nagħmlu lilna nfusna strumenti. Kristu mtella’ s-Sema għandu lilna, il-ġisem tiegħu, biex iwassal il-qawmien fuq l-art.


ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content