Is-7 Ħadd matul is-sena A
KUNU PERFETTI
Id-Diskors tal-Muntanja jissejjaħ hekk għax Ġesù biex jagħmlu tela’ jkellem lin-nies minn fuq għolja. Dan ifakkarna fil-muntanja Sinaj li minn fuqha l-Mulej ta lil Mosè l-għaxar kelmiet li huma l-qofol tal-Liġi ta’ Alla. Ġesù jrid ifakkarna li hu Alla magħmul bniedem u li bħala Alla għandu s-setgħa li jġedded u jaġġorna l-Liġi. Għalhekk permezz ta’ dan id-Diskors huwa jipperfezzjona l-Liġi u jagħmilha tixraq lit-Testment il-Ġdid. Mela mhux aktar “għajn b’għajn u sinna b’sinna” li kienet liġi ġusta għall-aħħar, iżda maħfra, mogħdrija, ġenerożità, tpattija tad-deni bil-ġid. Attenzjoni: Ġesù ma jridniex inkunu qisna boloh u beżżiegħa, iżda jridna nkunu bħalu. Hu mhux hekk iġib ruħu magħna kull meta nersqu lejh nitolbuh maħfra? Qatt keċċiena? Mhux dejjem ħafer? Hekk għandu jġib ruħu n-Nisrani. Min hu dixxiplu jrid jingħaraf mill-imħabba li juri saħansitra lejn l-għadu, lejn min jagħmillu d-deni. Din hi l-ispeċjalità tal-Insara. Għax, kif jgħid il-Mulej, xi nkunu nagħmlu speċjali jekk inħobbu biss lil min iħobbna? Dawk li mhumiex Insara mhux hekk jagħmlu wkoll? U l-“għedewwa” li rridu nħobbu u nitolbu għalihom mhumiex dawk biss li jweġġgħuna personalment, imma hemm ukoll dawk li qegħdin jaqilgħu l-inkwiet fid-dinja u jwerwru lil kulħadd... anki dawk huma wlied Alla bħalna, u Alla jħobbhom u jrid isalvahom. Dan ifisser kliem l-Imgħallem: “Kunu perfetti bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet.”