Is-7 Ħadd matul is-sena Ċ
“ĦENNU BĦALMA HU ĦANIN MISSIERKOM”
Dak li San Mattew jgħidu fit-tul ta’ tliet kapitli (5-7) tal-Vanġelu tiegħu, San Luqa jgħidu fil-qosor ta’ ħdax-il vers. Fis-sustanza f’dan id-diskors għandna l-qofol tal-għajxien Nisrani. Min irid iħares il-Vanġelu u jgħix skont l-ispirtu tiegħu jrid jaqdef kontra l-kurrent. Ġesù fid-diskors jagħfas ħafna fuq l-imħabba bla kundizzjonijiet u bla interessi egoistiċi. Għalhekk l-imħabba lejn l-għedewwa, il-ġid lil min jobgħodna, il-barka lil min jisħetna... u l-bqija. Il-Vanġelu hu ċar: il-karatteristika tan-Nisrani hija l-imħabba mmudellata fuq Kristu. Jekk in-Nisrani jħobb biss lil min iħobbu jkun iġib ruħu bħall-pagani u ma juri ebda speċjalità. Għalhekk ma jirraġunax ta’ Nisrani min jaqta’ ’l barra minn ħajtu lil min ma jinżillux. Mela l-imħabba n-Nisrani veru juriha lil kulħadd bla ebda għażla u jħenn u jagħder lil min jonqsu għax hekk jagħmel Alla. In-Nisrani veru dejjem iqiegħed lilu nnifsu fil-qagħda ta’ ħaddieħor biex jagħmel lil ħaddieħor dak li jrid li ħaddieħor jagħmel lilu.