Is-6 Ħadd tal-Għid sena B
IT-TLIET KELMIET IMPORTANTI - KMANDAMENT, IMĦABBA U FERĦ
F’dal-Vanġelu niltaqgħu ma’ tliet kelmiet importanti: kmandament, imħabba u ferħ. Dawn it-tliet kelmiet mal-ewwel daqqa ta’ għajn jidhru li ma għandhom x’jaqsmu xejn bejniethom. Ma naħsibx li hi moda taħseb fl-imħabba mingħajr regoli, taħseb fl-imħabba bħala liġi assoluta, indiskutibbli, bla kmandamenti, splużjoni spontanja ta’ emozzjonijiet: «love is love», jew «all we need is love», tisma’ ’l min jgħid kullimkien. Anzi, għal dan il-għan nisimgħu lil min jikkwota lil Santu Wistin bin-nofs: «Ħobb u agħmel li trid.» Min-naħa l-oħra, hi ħaġa komuni wkoll temmen li kmandament, dmir, huwa biss għajn ta’ frustrazzjoni u ta’ diqa, li hu l-kuntrarju tal-ġmiel, tal-imħabba u tal-ferħ… B’danakollu, b’diskors ċar Ġesù jgħid dwar dawn it-tliet kelmiet: min iħobb, iħares il-kmandamenti. Min iħobb iħares il-kelma tal-Maħbub, għandu ħajja li fiha tidher l-imħabba. U biss din l-imħabba reali, konkreta, trasformatriċi tnissel il-ferħ, tiled l-hena. Ejjew infaħħru għall-imħabba lil min huwa l-Imħabba ta’ dejjem u qaddisa.