Is-6 Ħadd tal-Għid - Sena A
L-IMPORTANZA TAL-KMANDAMENT TAL-IMĦABBA
Ġesù huwa ċar: id-dinja ma tarahx, titkellem dwaru bħal dwar xi persunaġġ kbir tal-imgħoddi, bħal dwar profeta simpatiku li spiċċa ħażin, bħalma ġara lil ħafna profeti; iżda d-dixxipli, jgħid l-Imgħallem, jibqgħu jarawh, jagħrfuh, ixandruh, jisimgħuh, jitolbuh.
Għandna ħtieġa urġenti ta’ għajnuna biex naqraw l-istorja l-kbira u l-istorja tagħna personali fid-dawl tal-fidi. Għalhekk dak li jiġri jkun jidher f’dawl differenti, b’xefaq ta’ riferiment usa’, prospettiva ta’ salvazzjoni, ta’ fidwa li jagħtiha Alla f’nofs umanità bla kwiet. L-għajnuna li Alla jibgħat taqdina fil-missjoni tagħna: id-dixxipli li “jaraw” lil Ġesù, li jintebħu li hu jinsab magħhom, issirilhom stedina li jxandru l-mod ġdid ta’ għajxien li Alla joħloq permezz tal-komunità ta’ dawk li jsalvaw, il-Knisja. Jekk il-Knisja fil-Punent, f’din il-qagħda storika mħabbla, ma tibqax tgerger, u tibda ġġib ruħha sempliċiment ta’ Knisja, jiġifieri xxandar bil-ferħ lil Ġesù Kristu, filwaqt li titkellem b’lingwaġġ aktar sempliċi, tnaqqas l-inkoerenzi tagħha, tħaffef l-istrutturi tqal tagħha, jista’ jkun li tgħaddi mill-istess esperjenza li minnha għaddew l-ewwel dixxipli. B’kundizzjoni waħda, kif iwissi Ġesù: li tibqa’ fidila lejn il-kmandament tal-imħabba, jiġri x’jiġri. Il-kmandament tal-imħabba biss, f’dawn iż-żminijiet, jista’ jinfed u jkisser il-korazza antikristjana u neo-klerikali li qed tgħammar fis-soċjetà tagħna taparsi Nisranija.