IS-6 Ħadd tal-Għid - Sena A
NISIMGĦU L-KELMA TA’ ALLA... U NKUNU FEHMA WAĦDA!
Il-fidi f’Ġesù Kristu kompliet dejjem tixtered iżjed, u dan narawh mhux biss għax kien kiber l-għadd ta’ dixxipli, imma għaliex dawn id-dixxipli kienu b’fehma waħda. Hawnhekk, naraw il-Kelma ta’ Alla u l-Ispirtu tiegħu jaħdmu fin-nies u jiffurmawhom f’dixxipli, dawk li jaħsbuha l-istess. Tajjeb nieqfu ftit nirriflettu fuq dan il-punt, b’fehma waħda mhux għax id-dixxipli ma jafux jaħsbu b’rashom, imma għax l-għarfien li irċevew mingħand Alla l-għoli, wassalhom biex fi Kristu Ġesù jaraw l-unika triq, l-unika verità u l-unika ħajja. Id-dixxipli veri ta’ Kristu huma lesti jċedu kull ħsieb tagħhom biex jingħaqdu dejjem aktar ma’ Kristu.
Fl-ewwel ittra tiegħu, San Pietru jfassal l-identità tan-Nisrani. Qabel kollox, jisħaq li l-qalb trid tkun qaddisa, u mhux biss tal-individwu, imma wkoll ta’ kull membru tal-Komunità. Il-qalb qaddisa tfisser li tkun qalb mimlija b’Alla u l-Ispirtu tiegħu biss. Qalb għalhekk li tkun tbattlet minn ħafna nkwiet u ħsibijiet ta’ din id-dinja, qalb li taf tistrieħ f’Alla, għax fih issib il-paċi u l-hena li hi tant tixtieq.
Il-ħajja komunitarja għandha dejjem tirrifletti dan u mhux biss, imma fuq kollox għandha dejjem tkun lesta twieġeb għat-tama tagħha. Dan ifisser li tkun komunità li għamlet esperjenza vera ta’ Ġesù fil-ħajja tagħha, li kibret fit-tagħlim u l-għarfien tiegħu. Komunità li quddiem il-mewġ tal-ħajja ftit li xejn taqta’ qalbha għaliex taf li Kristu jiddefendiha. Kif għidna, l-aħwa kollha għandu jkollhom din il-fehma, u għalhekk jeħtieġ li jkunu fehma waħda, biex flimkien iwasslu dan id-dawl lid-dinja.
L-akbar prova tal-komunità Nisranija hija waqt il-persekuzzjoni, għax kif għamlu lil Kristu hekk għad jagħmlu lilna. Taħt il-toqol tas-salib u l-inġustizzja tal-bniedem, l-aktar ħaġa naturali u spontanja tkun ir-ribelljoni, iżda mhux hekk fil-każ tagħna u dawk kollha li jissejħu Nsara. It-tama kbira tagħna għandha tidher fuq kollox f’dawn iż-żminijiet meta t-toqol jagħfas aktar u aktar fuqna, meta d-dinja tħallas bid-deni l-ġid li nkunu għamilna, meta nbatu minħabba t-tajjeb li nkunu għamilna. U jekk tassew nemmnu, li l-Ispirtu ta’ Alla jgħix fina, nibqgħu sħaħ mal-aħwa u fil-paċi f’dawn il-mumenti, u hekk nintebħu kemm tassew Alla l-Imbierek hu qrib tagħna.