Is-6 Ħadd tal-Għid - Sena A
ĠESÙ SSIR SIĠILL F'QALBNA
Hemm esperjenza aktar traġika minn dik li tkun iltim: id-deċiżjoni li tgħix bħala ltim mingħajr ma tkun realment. Ilkoll inħabbtu wiċċna miegħu dan it-tiġrib. Dak li ngħixu mingħajr Alla, li ma noqogħdux taħt il-ħarsa tiegħu, li ma nagħtux kas ta’ idu mifruxa lejna, li ma nagħtu kas xejn tal-kelma tiegħu għax irridu nibnu t-torri ta’ Babel tagħna u nixxennqu għal ħajja ta’ ltim hienja. Fi kliem Ġesù f’dal-Vanġelu għandna proposta delikata, stedina ħielsa u ħelliesa ta’ Alla li jħobb u fejn hemm l-imħabba m’hemm xejn bilfors, lanqas l-hena, lanqas il-milja. Hieni min jilqa’ din l-istedina għall-ħelsien veru u jagħti l-ispazju lill-Ispirtu Paraklitu. Min-naħa tiegħu, Ġesù jaċċertana: «Ma nħallikomx iltiema. Nerġa’ niġi għandkom. Ftit ieħor, u d-dinja ma taranix aktar. Iżda intom għad tarawni, għax jiena ngħix, u intom ukoll għad tgħixu.» Hu fl-Ispirtu li l-għaqda tal-aħwa li jġibilna Ġesù ssir siġill li jibqa’ f’qalbna, għax hu l-Ispirtu li jixhed f’qalbna li aħna wlied Alla, ulied fl-Iben.