Is-6 Ħadd tal-Għid - Sena A
SPIRTU LI JAGĦTI L-ĦAJJA
Il-Vanġelu tal-lum jeħodna mill-ġdid fiċ-ċenaklu. Dak huwa l-post fejn Kristu fforma u għallem il-Knisja tiegħu. Kien fiċ-ċenaklu fejn Kristu waqqaf is-Sagramenti tal-Ewkaristija u tal-Ordni Sagri. Kien fiċ-ċenaklu fejn Kristu ħasel riġlejn id-dixxipli tiegħu. Kien fiċ-ċenaklu fejn Kristu talab għal dawk li għad jemmnu fih.
Fiċ-ċenaklu, Kristu jwiegħed il-miġja tal-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli. Min hu l-Ispirtu s-Santu? Huwa rivelazzjoni ġdida tal-Mulej Ġesù, għax għalkemm fit-Testment il-Qadim nisimgħu bl-Ispirtu ta’ Alla, imma qatt ma jissemma b’mod ċar l-Ispirtu s-Santu, it-Tielet Persuna tat-Trinità Qaddisa.
L-Ispirtu s-Santu li jagħti l-ħajja huwa l-istess Ħajja tal-Knisja, ir-Ruħ tal-Knisja. Mingħajru l-Knisja, li hija l-Ġisem ta’ Kristu, ma jkollhiex ħajja. Kif jgħidilna San Ġwann Krisostmu, kien permezz tal-Ispirtu s-Santu li l-Iben ta’ Alla sar bniedem fil-ġuf safi ta’ Marija Verġni; huwa permezz tal-Ispirtu s-Santu li l-ħobż u l-inbid jinbidlu waqt il-Konsagrazzjoni u jsiru l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu; huwa permezz tal-Ispirtu s-Santu li l-Knisja tgħix, u tqim lil Alla l-Imbierek u lil Sidna Ġesù Kristu.
Huwa permezz tal-Ispirtu s-Santu li aħna nitwieldu mill-ġdid bħala wlied Alla fil-Magħmudija tagħna, u fil-Griżma tal-Isqof inkunu kkonfermati f’dan it-twemmin u f’din il-ħajja li hija l-bidu tal-ħajja ta’ dejjem. Mingħajr il-ħajja fl-Ispirtu s-Santu aħna ma nistgħux ngħixu. Mingħajru aħna ma għandniex fina ż-żerriegħa tal-ħajja bla tmiem.
Ġesù ried li aħna jkollna din il-ħajja u għalhekk huwa qal lill-Appostli li meta jmur ħdejn il-Missier, jibgħat fuqhom l-Ispirtu li jqaddes. Għax huwa permezz tal-Ispirtu li aħna nikkooperaw mal-grazzja ta’ Alla u nsiru qaddisin.
Ejjew għalhekk inħallu lill-Ispirtu s-Santu jimla l-qlub tagħna, ejjew inħalluh idawlilna moħħna, ejjew inħallu lill-Ispirtu s-Santu jagħtina l-kliem fuq fommna biex f’kull għemil tagħna, aħna nkunu naħdmu permezz tiegħu, u nkunu l-preżenza u s-sinjal ta’ dak li d-dinja tant għandha bżonnu: Alla.