Is-6 Ħadd tal-Għid Ċ
‘TĦALLUX LI QALBKOM TITĦAWWAD’
San Ġwann fl-Evanġelju li sa jinqara llum jagħtina silta meħuda mid-diskors tat-tluq ta’ Ġesù (14:23-29), fejn huwa jiftaħ qalbu mal-Appostli u jkompli jirrivelalhom il-ħajja Trinitarja. Ġesù jitkellem fuq ir-relazzjoni intima li għandu ma’ Missieru. L-Imgħallem juri l-għaqda li hemm bejn il-Missier u l-Iben. Huwa wkoll jitkellem u juri min hu l-Ispirtu s-Santu li hu kellu jibgħat fuq l-Appostli u l-Knisja.
L-Ispirtu s-Santu huwa t-tielet persuna tat-Trinità Qaddisa. L-Ispirtu kellu rwol importanti fit-Testment il-Qadim; hu jissemma fl-għajnuna li kien jagħti lill-profeti biex iwasslu l-kelma ta’ Alla lill-poplu li ħafna drabi kien jitlaq ’l Alla biex iqim allat foloz. L-Ispirtu s-Santu kellu sehem fil-misteru tal-Inkarnazzjoni għax Marija nislet lil Ġesù bl-opra tiegħu. L-Ispirtu kien preżenti fil-ħajja pubblika ta’ Ġesù, ibda mill-magħmudija tiegħu minn Ġwanni l-Battista fix-xmara Ġordan sa fuq l-għolja tal-Kalvarju. Fid-diskors tal-aħħar, Ġesù jitkellem fuq l-Ispirtu s-Santu bħala l-Paraklitu, ir-rigal li kien sa jagħti l-Imgħallem lill-Appostli talli aċċettawh f’ħajjithom.
Bit-tluq ta’ Ġesù mid-dinja, id-dixxipli ma kinux sa jispiċċaw iltiema, imma kien sa jkollhom lid-difensur, l-Ispirtu s-Santu biex jgħallimhom u jfakkarhom dak kollu li qalilhom il-Mulej. U għalhekk Ġesù jwissi lill-maħbubin tiegħu biex ma jħallux qalbhom titħawwad quddiem il-mewt u t-tluq tiegħu mid-dinja għax l-Ispirtu s-Santu li kien sa jibagħtilhom kien sa jibqa’ magħhom sal-aħħar taż-żminijiet.
Aħna rċevejna l-Ispirtu fis-sagramenti tal-Magħmudija u l-Griżma. Huwa għamilna ħolqien ġdid biex inkunu d-dawl tad-dinja u l-melħ tal-art. Bħall-Appostli fil-ħajja tagħna jkollna l-inżul u t-tlajja’; u dan jurina kemm għandna bżonn l-Ispirtu ta’ Alla li hu spirtu ta’ verità u ħajja biex imexxina fid-deċiżjonijiet li nieħdu kuljum. Fuq kollox l-Ispirtu jgħinna nsejħu lill-Missier tagħna fis-sema u jiddefendina quddiem it-tiġrib. Huwa l-Ispirtu li jqaddisna permezz tas-seba’ doni tiegħu biex b’hekk inkunu nixbhu lir-Ragħaj kbir tagħna, Sidna Ġesù Kristu. L-Ispirtu huwa r-ruħ tal-Knisja; idawwalha u jmexxiha biex tasal għall-għan li għalih twaqqfet, li tkun preżenza ħajja ta’ Alla fid-dinja. Din hija s-sejħa tagħna bħala Nsara li nħallu l-Ispirtu s-Santu jaħdem fina biex indawlu fejn hemm id-dlam, inġibu l-ordni fejn hemm it-taħwid, inħobbu fejn hemm il-mibegħda, inġibu l-għaqda fejn hemm il-firda u nkunu ta’ wens fejn hemm l-abbandun. Jalla din il-missjoni ssib il-milja tagħha fina.