Is-6 Ħadd tal-Għid Ċ - Jum il-Mulej

Title
Go to content
Is-6 Ħadd tal-Għid - Sena Ċ
INĦARSU KELMTU

Kif nistgħu nintebħu bil-glorja tal-Imgħallem Ġesù fina? Kif nagħrfuha fil-ġrajjiet mhux dejjem sbieħ tal-istorja? Kif nagħrfuha fl-esperjenza tal-Knisja? Illum il-Mulej jurina fil-konkret l-atteġġjament li bih nuru ħajjet l-Irxoxt f’ħajjitna.

Ġesù jitlobna nħarsu Kelmtu, inwettquha b’ħajjitna, inħaddmuha fl-għażliet tagħna. Jekk il-fidi sa tibqa’ xi ħaġa li noħorġuha biss għal siegħa fil-ġimgħa jew fil-waqtiet ibsin ma nħossux lill-Missier u lill-Iben jgħammru fina. Ġesù dan jgħidhulna ċar u tond: għixu bil-Kelma, kunu midħla tagħha, kunu afuha, itolbu biha, immeditawha. Dan ikollu l-effett li bih inħossu lil Alla jgħammar fina. F’ġieħ kemm hemm, ħallikom mid-dehriet! Iżda l-għarfien dejjem jikber li ninsabu mdawrin lejn Alla, l-esperjenza li nħossu l-preżenza tiegħu tista’ sseħħ. Imbagħad il-fidi ma tibqax għażla intellettwali, ma tibqax sforz tar-rieda iżda ssir id-dimensjoni dejjiema li ngħixu fiha. Ngħammru fiha: nibqgħu hemm, ma naħarbux, ma nersqux fil-ġenb. Ngħammru fiha: ngħixu, nagħrfu, nifhmu, niffrekwentaw. Għal dan aħna msejħin, biex induqu l-glorja. Nagħrfu u nimmeditaw il-Kelma li tħallina nersqu lejn Alla. M’aħniex sa nifhmu kollox, hekk baqa’ jonqos, lanqas il-Knisja ma għandha lil Alla kollu kemm hu. L-Ispirtu jiġi jgħinna u jdawwalna. Hu jdawwal il-Knisja biex tifhem kliem l-Imgħallem. Hu jdawwal il-kuxjenza tagħna u jħallina nifhmu x’għandha x’taqsam il-fidi ma’ ħajjitna u mal-għażliet li nagħmlu kuljum.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content