Is-6 Ħadd tal-Għid Ċ - Jum il-Mulej

Title
Go to content
Is-6 Ħadd tal-Għid - Sena Ċ
“SLIEM, IMMA MHUX KIF TAGĦTIH ID-DINJA”

Għal darb’oħra, għalkemm ninsabu fi żmien l-Għid, il-liturġija llum toffrilna Vanġelu mislut mill-aħħar diskors ta’ Ġesù qabel il-passjoni u l-mewt tiegħu, it-testment spiritwali tiegħu li nsibu fil-Vanġelu skont Ġwanni. Għalkemm testment normalment iqanqal fina sentimenti ta’ swied il-qalb, fir-realtà kliem Ġesù huwa mimli kuraġġ u tama.

Ġesù jwiegħed lil ħbiebu d-don tas-sliem, imma mhux is-sliem kif toffrih id-dinja. Għad-dinja, is-sliem huwa n-nuqqas ta’ kunflitt, il-waqfien tal-gwerer. Imma f ’għajnejn Alla (u skont it-tradizzjoni Lhudija), is-sliem – shalom – huwa ferm aqwa: huwa stat spiritwali fejn il-bniedem ikun f’paċi miegħu innifsu, mal-bnedmin u l-ambjent ta’ madwaru u fuq kollox ma’ Alla l-Ħallieq. U l-ironija (u l-meravilja) ta’ dan is-sliem (ta’ Alla, mhux tad-dinja) huwa li jibqa’ jirrenja anki f ’kuntest ta’ kunflitt u tbatija.

Ilkoll kemm aħna, fil-ħajja reali, xi darba ltqajna ma’ persuni li minkejja tbatija kbira fiżika jew psikoloġika (forsi minħabba mard jew faqar) xorta waħda jkunu sereni u f’paċi. Kultant tmur iżżurhom biex tipprova tfarraġhom, u minflok ikunu huma li jfarrġu lilek!

Dawn huma dawk li dwarhom Ġesù jgħid: “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu.” Il-Mulej li jgħammar fil-qalb tal-persuna jgħinha tifhem li l-maltemp mhuwiex etern u li dalwaqt jerġa’ jibnazza. Bħalma kienet tgħid Santa Tereża ta’ Avila: “Tħallix xi jtaqqlek, tħallix xi jbeżżgħek; kollox jgħaddi, Alla biss jibqa’.”

Din il-wegħda ta’ Alla li jgħammar f’qalbna tissaħħaħ b’wegħda oħra li jagħmel Ġesù f ’dan il-Vanġelu: dik ta’ Difensur. L-Ispirtu s-Santu kellu jinżel fil-Knisja u f ’qalb id-dixxipli wara tlugħ il-Mulej fis-sema biex jorbothom f ’ħolqa dejjiema mal-opra tal-fidwa ta’ Ġesù. Tassew, kienu qed joqorbu jiem fejn id-dixxipli ma kinux sa jaraw aktar lil Ġesù bl-għajnejn tal-ġisem, imma l-Ispirtu s-Santu kellu joffrilhom għajnejn ġodda, spiritwali, biex jaraw il-qawwa ta’ Alla taħdem fid-dinja; aktar minn hekk, taħdem fihom u permezz tagħhom!

Għalina li qed ngħixu llum, elfejn sena wara dan kollu, hemm raġuni oħra ta’ kuraġġ u tama: għax dan kollu diġà seħħ. Ġesù, f ’dan il-Vanġelu, javża lil sħabu li kien sejjer għand il-Missier u mbagħad kellu jerġa’ lura magħhom. Jagħmel din il-profezija qabel mewtu, biex meta sħabu jarawh rebbieħ fuq il-qabar, huma jemmnu fih. Hekk għamel tassew: il-qawmien tiegħu mill-imwiet iqiegħed siġill ta’ verità fuq kliemu kollha u fi qlubna jixgħel is-sliem.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content