Is-6 Ħadd tal-Għid - Sena Ċ
IMSEJĦIN BIEX INĦOBBU
Aħna msejħin biex inħobbu, iżda fl-istess ħin biex niftakru li l-imħabba hi don ta’ Alla. Hu paradoss li San Tumas ta’ Aquino jfissirhulna b’dan il-kliem. Minn naħa, «l-Ispirtu s-Santu – li hu mħabba – jingħata biss lil dawk li jħobbu.» Għalhekk l-Ispirtu donnu l-“premju” ta’ min iħobb! Iżda fl-istess ħin, u hawn jidher il-paradoss, «ħadd ma jista’ jħobb ’l Alla, jekk ma jkollux l-Ispirtu s-Santu, la m’aħniex aħna li nġibu l-grazzja ta’ Alla, iżda hi l-grazzja ta’ Alla li tiġi għandna.» Fi kliem ieħor, l-Ispirtu s-Santu hu dak li jiġi l-ewwel, hu dak li jġegħelna nħossu l-imħabba. Mingħajr l-Ispirtu ta’ Alla ma nistgħux inħobbu. Kif nistgħu nifhmuhom dawn il-paradossi? Nifhmuhom għax nafu li hu Alla li jħobb l-ewwel, u l-ewwel wieħed li jagħtina li nħobbu. Nifhmuhom għax nafu li Alla jagħti l-Ispirtu mingħajr qjies. Għalhekk jekk tħoss ix-xewqa li tħobb ’l Alla, diġà tinsab fit-triq it-tajba, intelaq fil-ħidma tal-Ispirtu... Ħobb fl-imħabba ta’ Alla.