Is-6 Ħadd matul is-sena A
IVA, IVA, U LE, LE
Ikompli d-Diskors twil tal-Muntanja. Ġesù jagħmel lista ta’ modi kif in-Nisrani għandu jġib ruħu. L-ewwel nett fakkarna li b’dan id-Diskors hu mhuwiex iġib fix-xejn il-kitbiet tat-Testment il-Qadim iżda qed isaffihom miż-żjidiet u t-tifsiriet dojoq li kienu sarulhom mill-bnedmin tul il-mixja taż-żmien. Fi kliem ieħor, Ġesù hawn jurina x’inhu l-ispirtu tal-liġi. U jagħmel il-lista tiegħu: il-kmandament “la toqtolx” ma jfissirx biss tneħħix il-ħajja tiegħek u ta’ għajrek, imma jfisser ukoll tobgħodx, tweġġax, tgħajjarx, tiġġilidx, kun umli u itlob maħfra meta tiżbalja, irrikonċilja malajr kemm jista’ jkun... “Tagħmilx adulterju” jfisser ukoll tħarisx lejn mara jew raġel u tixtieqhom, u jfakkarna wkoll li d-divorzju huwa adulterju anki jekk il-liġi tal-pajjiż tkun tippermettih... dak mhux ħaġa tal-Insara, jgħidu x’jgħidu l-bnedmin! Ġesù jagħlaq is-silta billi jgħidilna biex ma naħilfu xejn, imma kliemna għandu jkun “iva, iva”, “Le, le”. Jiġifieri nkunu koerenti mat-twemmin tagħna u ma nkunux nies ta’ wiċċ b’ieħor, li jgħidu mod u jagħmlu ieħor.