Is-6 Ħadd matul is-sena Ċ
HENJIN INTOM... ĦAŻIN GĦALIKOM
Bil-beatitudnijiet u l-maqlub tagħhom, San Luqa jfisser b’mod prattiku r-ritornell evanġeliku: “Tal-aħħar jiġu l-ewwel, u tal-ewwel l-aħħar.” Hemm ċerti differenzi bejn ir-rakkont ta’ Mattew u dak ta’ Luqa. Mattew, li ried juri li l-beatitudnijiet huma l-qofol tal-liġi l-ġdida ta’ Ġesù, qiegħed lill-Mulej fuq muntanja biex ifakkarna fis-Sinaj, minn fejn Alla ta l-liġi lil Mosè. Luqa jgħid li Ġesù waqaf f’witja qisu jrid jgħid li l-Mulej niżel fil-livell tal-midinbin. Mattew iġib disa’ beatitudnijiet; Luqa jġib erbgħa, iżda mbagħad iġib erba’ “ħażin għalikom”. B’hekk joħloq kuntrast bejn dawk tal-ewwel u dawk tal-aħħar. L-akbar differenza bejn it-tnejn hi li Mattew jagħfas fuq il-faqar fl-ispirtu, li jgħixuh dawk li jqisu ruħhom jiddependu biss mir-rieda ta’ Alla, filwaqt li Luqa jidher aktar konkret għax jagħfas fuq il-faqar materjali. Tant hu hekk li mbagħad jgħid: “Henjin intom li għalissa bil-ġuħ.” San Mattew iżid: “...bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja.” Min-naħa l-oħra, Luqa ma jsemmix lil ta’ qalbhom ħelwa, lil dawk li jħennu, lil dawk b’qalbhom safja, u ’l dawk li jġibu l-paċi. Dan iżda ma jfissirx li dawn kollha ma jidħlux fil-kategorija tal-foqra li jsemmi Luqa. Min hu veru fqir u qalbu tkun fil-paċi bilfors ikollu qalbu ħelwa, ikun ħanin... u l-bqija.