Is-6 Ħadd matul is-sena - Sena Ċ
IL-BEATITUDNI VERA HI FI KRISTU U LI TKUN MA’ KRISTU
Ippruvajt naqra dal-Vanġelu jien u nqiegħed bejn qawsejn, biex ngħid hekk, l-istorja tiegħi kollha, il-formazzjoni u s-sensibbiltà ta’ Nisrani. Nistqarr li ma kinitx ħaġa ħafifa nifhem dak li jgħid Ġesù. B’liema sens isejjaħ hienja lill-foqra jew lil dawk li jibku, filwaqt li jniżżel l-għajb fuq l-għonja u fuq dawk li jidħku? Jekk inħarsu lejn dawn il-beatitudnijiet mingħajr il-muftieħ tar-rabtiet doppji – jew tar-rabta ma’ Alla u mal-oħrajn – il-beatitudnijiet ma jkunux evanġeliċi iżda jkunu biss ġenn. Il-Vanġelu tal-Beatitudnijiet wieħed jifhmu f’relazzjoni mal-oħrajn u fuq kollox f’relazzjoni ma’ Kristu. Inti hieni mhux sempliċiment għax int fqir, iżda għax int fqir fl-ispirtu, kif jgħid San Mattew. Inti hieni mhux sempliċiment għax inti ppersegwitat, iżda għax inti ppersegwitat għal Kristu u għal ismu. Il-Beatitudnijiet iridu jittieħdu f’rabta għax il-beatitudni vera hi fi Kristu u li tkun ma’ Kristu. Mhux b’kumbinazzjoni, bosta nies qaddisa, fosthom San Ġwann Pawl II, jaraw f’Ġesù mhux biss dak li jxandar il-beatitudnijiet, iżda fuq kollox il-bniedem tal-beatitudnijiet.