Is-27 Ħadd matul is-sena B
IT-TNEJN ISIRU ĠISEM WIEĦED
It-tweġiba ta’ Ġesù lil min, biex iġarrbu, għamillu mistoqsija dwar id-divorzju hija ċara daqs il-kristall. Ma jarahiex min hu tabilħaqq agħma. Ġesù ma tax kas tad-drawwa li kienet daħlet fit-Testment il-Qadim minħabba l-ebusija ta’ qalb il-bniedem... u biha fil-Liġi ta’ Alla l-bnedmin kienu żiedu d-divorzju. Biex iwieġeb u juri x’inhi r-rieda ta’ Alla f’dal-qasam, Ġesù kkwota l-Ġenesi: “Raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’ martu, u t-tnejn isiru ġisem wieħed (Ġen 2:24)... mela dak li jgħaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem.” Dan hu kliem Ġesù, ċar u tond, u ħadd ma jista’ jmerih. Nittama li, fis-suppervja tagħna, ma jiġrilniex bħal dak it-tali li meta f’Malta kellna l-kampanja qabel id-dħul tad-divorju fil-liġi Maltija, xħin ikkwotawlu x’qal Ġesù, qalilhom li f’dan Ġesù “ħa żball”!!! Din hi l-ebusija tal-qalb li semma Ġesù. Biex nilqgħu t-tagħlim tiegħu neħtieġu qalb safja bħal tat-tfal ċkejknin. Jekk le żgur li nikkumplikaw l-affarijiet u ma naslu qatt li naċċettaw kliem l-Imgħallem.