Is-27 Ħadd matul is-sena A
Bil-parabbola tal-għalqa tad-dwieli Ġesù ried juri lill-mexxejja tal-poplu Lhudi (lill-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-poplu) li huma ma kinux qegħdin jagħmlu dak li Alla kien jistenna minnhom. Għalhekk is-saltna ta’ Alla, jiġifieri l-miġja tal-Messija, li meta deher fosthom huma ma aċċettawhx, kellha tittieħed minn taħt idejhom u tingħata lill-ġnus li minnhom kienet iffurmata l-Knisja. “Il-ġebla li warrbu l-bennejja – jiġifieri Ġesù ta’ Nazaret li huma ma laqgħuhx – saret il-ġebla tax-xewka”, li hi l-aktar ġebla importanti u b’saħħitha fil-pedament, li żżomm marbut flimkien il-bini kollu tad-dar. L-Iskrittura band’oħra tgħidilna li pedament ieħor ma jistax jitqiegħed ħlief dak li diġà tqiegħed: Ġesù Kristu. Huwa dik il-blata fl-istqarrija ta’ Pietru: “Int il-Messija, Bin Alla l-Ħaj”, li fuqha hi mibnija l-Knisja.