Is-27 Ħadd matul is-sena Ċ
NGĦIXU L-FIDI
Fil-Magħmudija l-Mulej, fost l-oħrajn, tana d-don tal-fidi. Huwa don li Alla l-imbierek jagħtih lil min jidhirlu hu. Ta’ dan id-don għandna rroddulu ħajr: bih laqagħna bħala wliedu u daħħalna membri fil-Knisja tiegħu biex flimkien ma’ ħutna l-Insara l-oħrajn niffurmaw il-Ġisem Mistiku ta’ Kristu. Ġesù jkompli jgħix fid-dinja wkoll permezz tal-għaqda tal-Insara. Iżda l-fidi jeħtieġ li nibżgħu għaliha, għax jekk ma ngħixuhiex fl-ispirtu tal-Vanġelu nitilfuha għalkollox. Hekk ġralna aħna, in-nies tal-lum: il-fidi majnat għalkollox, il-bniedem sab ruħu jgħix mingħajr Alla u tilef mhux biss il-fidi, iżda magħha tilef il-paċi għax mhux qed iħoss il-preżenza ta’ Alla li għadu u jibqa’ jgħammar fih jiġri x’jiġri. Alla qatt ma jmur lura minn kelmtu: hu jibqa’ hemm jistenniena nduru lejh. Fl-Għarbi hemm qawl jgħid: “Troddx ħajr lil min hu fid-dmir.” Dan hu li qed tfissrilna t-tieni taqsima tas-silta tal-Vanġelu. Meta nkunu qdejna dmirna u għamilna dak li kellna nagħmlu ma nistennewx “grazzi”, imma nagħmlu ħilitna biex nagħtu glorja ’l Alla u ngħidu: “Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn; għamilna biss dak li kellna nagħmlu.”