Is-27 Ħadd matul is-sena Ċ
HU KRISTU LI JĦARREK IL-QALB
Dal-Vanġelu hu waħda minn dawk l-esaġerazzjonijiet li Ġesù kien iħobb joħloq biex jgħallem bihom! Jitlaq mill-bogħod, jitlaq mis-sens tad-dmir. Jitlaq mir-rabta bejn is-sid u l-qaddej. Iżda meta nħarsu lejha fid-dawl tal-Vanġelu kollu, ma nistgħux ħlief nistagħġbu. Ma nistgħux ħlief iħobbu lill-Mulej dejjem aktar. Min jibda jaqdi huwa u jqis ruħu qaddej li ma jiswa għal xejn ikollu s-sorpriża li jsib «lis-Sid» li jagħmilha tal-qaddej, jitħażżem b’mindil, jaħsel riġlejn il-qaddejja tiegħu, isir ħobż u jinqasam bl-imħabba. Ebda ġest uman mhu sa jisboq il-kotra li jagħti Alla. U f’dawk id-drabi li nqumu biex naqdu, hu Kristu li jħarrek il-qalb, Kristu li jħarrek l-idejn, Kristu li hu ħajja ta’ ħajjitna. Aħna u nimxu mal-Mulej, nintebħu li aħna qaddejja li ma jiswew għal xejn, mhux għax ma niswew xejn, iżda għax hu jiġi jaqdina u kull qadi tagħna jidħol fil-qadi tiegħu u aktar ma nkunu “qaddejja”, aktar is-Sid jagħnina bid-dinjità. Anzi, aktar ma naqdu, aktar insiru xbieha tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.