Is-26 Ħadd matul is-sena B
L-aktar frażi qawwija f’din is-silta hija: “Min mhuwiex kontra tagħna, huwa magħna.” Ġesù din qalha bi tweġiba għax-xewqa ta’ Ġwanni li ra raġel “li soltu ma jkunx magħna” ikeċċi x-xjaten, u ried iżommu. Fil-fehma tiegħi din hija frażi “ekumenika” li tgħaqqad flimkien lil dawk kollha li jagħmlu l-ġid veru lill-bnedmin u jippruvaw jeqirdu l-ħażen mid-dinja biex hemm issaltan biss il-ġustizzja u r-rieda ta’ Alla. F’nies bħal dawn, bil-għajnejn tal-fidi, naraw il-preżenza tal-Messija. Huma dixxipli tal-Messija u jaħdmu għax-xandir tal-Bxara t-Tajba. Mela tiswa għalihom ukoll il-kelma l-oħra ta’ Ġesù: “Min jagħtikom tazza ilma għax intom tal-Messija ma jibqax mingħajr ħlas.” Min jagħmel hekk ikun qed jikkollabora fl-evanġelizzazzjoni. Ġesù llum jissokta jitkellem fuq il-ħsara kbira li jagħmel min ifixkel lill-oħrajn (“lil dawn iċ-ċkejknin” = lil min jilqa’ b’qalba safja lill-Messija u jimxi warajh)... u bi kliem qawwi miżgħud bl-esaġerazzjoni għall-enfasi – stil orjentali – jgħidilna li aħjar nidħlu l-ġenna b’parti minn ġisimna nieqsa, milli mmorru fl-infern bil-ġisem sħiħ għax inkunu tajna skandlu u fixkilna lil min hu miexi wara l-Verità li hi Kristu.