Is-26 Ħadd matul is-sena B
"L-GĦEJRA SPIRITWALI"
F’dinja b’kompetizzjoni bla ħniena, toħroġ b’mod kważi naturali d-dinamika tal- copyright u ta’ «dak li għandek ħadtu mingħandi». Bla ma nidħlu fil-mertu tas-siwi ta’ dar-raġunar (u tal-effetti li jħalli fuqna), jaqblilna niftakru li l-loġika tal-Vanġelu hija differenti: dak li jinqasam mhuwiex meħud, imma mkattar. Il-ġid tal-ieħor ma jikkompetix mal-ġid tiegħi iżda jkomplih. Ir-realiżmu tal-Vanġelu jurina li lanqas l-Appostli, għad li kienu ma’ Ġesù, ma kienux meħlusa mit-tentazzjoni tal-għeluq possessiv tal-ġid, anki dak spiritwali: «Mgħallem – qal Ġwanni lil Ġesù – wieħed raġel, li soltu ma jkunx magħna, rajnieh ikeċċi x-xjaten f’ismek u ridna nżommuh, għax hu mhuwiex wieħed minn tagħna.» Issa, jekk f’din l-“għejra spiritwali” waqgħu l-Appostli, u anki l-profeta Ġożwè, dan ifisser li hi tentazzjoni dejjem lesta għalina. Nitolbok, Mulej, tagħtina qalb ħielsa li taf tingħaqad mal-oħrajn bħal dik ta’ Mosè li tifraħ bil-ġid megħjux u magħmul mill-oħrajn: «Jalla jkun kollu profeti l-poplu tal-Mulej u jalla l-Mulej isawwab fuqhom l-ispirtu tiegħu!»