Is-26 Ħadd matul is-sena B
IT-TWIDDIBA TA' ĠESÙ
Raġel li mhux membru tal-«grupp» ta’ Ġesù, beda jkeċċi x-xjaten f’ismu. L-Appostli donnhom raw biss il-fatt li dar-raġel ma kienx wieħed minn tagħhom, u mhux il-fatt li dak kien qed jgħin lin-nies f’isem Ġesù. U t-tweġiba ta’ Ġesù hija sublimi għaliex bis-sempliċità tgħid li kull min jgħin lill-proxxmu jinsab fuq in-naħa tiegħu. Naħseb li hi dejjem din is-sempliċità ta’ Ġesù li tħawwadna bla waqfien. Difatti, l-aħħar kliem tad-diskors ta’ Ġesù jġagħluna nirriflettu fuq il-mod tagħna kif naraw il-ħwejjeġ u ngħixu l-ġrajjiet. Dejjem infittxu l-kawża tal-ħażen ’il barra minna, fis-soċjetà, fl-oħrajn. Iżda Ġesù jwiddibna li l-ħażen jitrabba ġo fina, fil-mod kif naraw il-ħwejjeġ, kif nimxu fil-ħajja, f’qalbna. Il-misteru ma jinsabx barra, iżda jinsab ġo fina u għandu jkollna l-kuraġġ li nħarsulu f’wiċċu u nikkonvertu. «Min infatti jagħtikom tixorbu f’ismi għax intom ta’ Kristu, […] ma jibqax mingħajr ħlas.» Anki tazza ilma hi prezzjuża! Kull wieħed minna jista’ jagħti t-tazza tiegħu mimlija bl-ilma lill-proxxmu bis-sempliċità tal-qalb u juri li hu ta’ Kristu.