Is-26 Ħadd matul is-sena A
Il-parabbola taż-żewġ ulied Ġesù qalha lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu, jiġifieri lill-mexxejja li malajr fehmu x’ried jgħidilhom. L-iben il-kbir li lil missieru l-ewwel qallu: “Ma rridx. Iżda mbagħad biddel il-fehma u mar” mhu ħadd ħlief il-ġnus li mhumiex Lhud. Dawn fil-bidu kienu maqtugħin mill-grazzja ta’ Alla, iżda hekk kif feġġ Ġesù jxandar il-Bxara t-Tajba emmnuh u biddlu ħajjithom. Għaliex Ġesù xebbah lill-pagani mal-iben il-kbir? Għax huma qodma aktar mil-Lhud. Lil dawn tal-aħħar il-Mulej ġabarhom minn bosta popli biex minnhom ixerred il-grazzja tas-salvazzjoni fost kulħadd. L-iben iż-żgħir tal-parabbola jirrappreżenta lil-Lhud, li bil-kliem lil Alla qalulu iva, imma bl-għemil qalulu le. Dawn ma ridux jemmnu wara li semgħu l-predikazzjoni ta’ Ġwanni l-Għammied. Lil dan emmnuh il-midinbin. Attenti għax ħafna drabi aħna, “ta’ ġewwa”, inserrħu rasna mis-salvazzjoni u nibqgħu ma ninbidlux. L-imbegħdin għandhom mnejn jaslu qabilna għax ma jkollhomx rashom mistrieħa mis-salvazzjoni.