Is-26 Ħadd matul is-sena Ċ
TAL-AĦĦAR JIĠU L-EWWEL
Tal-lum hija parabbola li turi biċ-ċar it-tifsira ta’ dak ir-ritornell tal-Vanġelu: “Tal-aħħar jiġu l-ewwel u tal-ewwel l-aħħar.” Kollox bil-maqlub ta’ kif jirraġunaw in-nies tad-dinja. Meta l-għani, li kien insensittiv għat-tallab li kellu wara biebu, hu stess sab ruħu jittallab qatra ilma mingħand Abraham, dan wieġbu: “Ibni, ftakar li t-tajjeb tiegħek irċevejtu f’ħajtek; hekk ukoll Lazzru l-ħażin irċevieh f’ħajtu...” Wara mewtna s-sitwazzjoni tinqaleb ta’ taħt fuq. Ninnutaw li l-fqir għandu isem “Lazzru” għax għal Alla hu importanti u distint, filwaqt li l-għani ma nafux x’jismu. Dan kien importanti għad-dinja, għax kien jilbes il-porpra, imma għal Alla lanqas isem ma kellu. Meta miet Lazzru sab ruħu “fi ħdan Abraham” = fil-ġenna, iżda l-għani miet “u difnuh” = intesa għalkollox. San Luqa f’din il-parabbola joħloq ukoll kuntrast bejn il-Patt il-Qadim u l-Patt il-Ġdid. Mhuwiex Abraham, rappreżentant tal-Patt il-Qadim li jwissina ma nispiċċawx fit-telfien, imma dak li qam mill-imwiet. Hu dak li tana mudell ta’ ħajja Nisranija, għax hu l-Imgħallem. Imma ara ma jiġrilniex bħal dawk li “anqas jekk iqum xi ħadd mill-imwiet ma jemmnu.”